Fil-Knisja ta’ Ġieżu r-Rabat, saret il-quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp.
Il-quddiesa tmexxiet mill-Kapitlu Metropolitan, bil-Pirjol tal-Kunvent tal-Partrijiet Karmelitani fl-Imdina, Patri Charlo Camilleri, jinseġ il-paniġierku f’ġieħ il-qaddis Ġużeppi.
Fl-omelija tiegħu, Patri Charlo Camilleri spjega li San Ġużepp għandu jservi bħala mera li fiha naraw lilna nfusna. Għandu jqanqalna biex nifhmu iktar lilna nfusna u lil ibnu Ġesù, fi tfittxija li tgħinna nikbru u ngħożżu dejjem iktar il-valuri nsara tagħna.
B’referenza għas-soċjetà Maltija, il-predikatur qal li hemm bżonn li nifhmu li kull persuna għandha l-irwol tagħha, responsabbiltà li hi biss tista’ twettaq fis-soċjetà.
Ir-responsabbiltajiet li għandna f’ħajjitna ngħataw lilna minn Alla, bħalma San Ġużepp ingħata lil Ġesù bħala l-iben addottat tiegħu, u għalhekk aħna msejjħin biex bħalu naqdu dmirna bħala kustodji, spjega l-predikatur.
Għal quddiesa pontifikali attendew il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Intant, aktar tard matul il-quddiesa saret preżentazzjoni simbolika tax-xemgħa lil San Ġużepp mis-Sindki tar-Rabat, tal-Imdina u tal-Imtarfa. Filgħaxija mbagħad, bħal kull sena, l-istatwa ta’ San Ġużepp tinħareġ f’purċissjoni solenni mat-toroq tar-Rabat, bis-sehem tal-Patrijiet Minuri u l-Fratelli tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp.
//= $special ?>