F’xhieda li taw illum fil-Qorti, il-preżentatur ta’ Xarabank Peppi Azzopardi u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia kkonfermaw li f’laqgħa li kienet saret qabel dibattitu bejn Joseph Muscat u Lawrence Gonzi, Muscat hedded lill-istess Peppi Azzopardi u lil Norman Vella, li dak iż-żmien kien Manager tal-programm Xarabank.
Peppi Azzopardi qal li dakinhar tal-laqgħa, Muscat deher irrabjat ħafna. Azzopardi qal li f’ħin minnhom Muscat qalilhom li għal kull daqqa li jħoss li se tingħata lill-Partit Laburista, hu kien se jtihom tnejn taħt iċ-ċintorin. Kurt Farrugia kkonferma li hu kien preżenti għal din il-laqgħa u kkonferma wkoll li Muscat qal kliem f’dan is-sens. Skont Farrugia, Muscat qal dan il-kliem għax ma riedx li jkun hemm sorpriżi fid-dibattitu ma’ Lawrence Gonzi.
Farrugia spjega li fl-ewwel dibattitu bejn Gonzi u Muscat f’Xarabank kienet daħlet telefonata b’mistoqsija dwar propjetà mogħtija lill-Partit Laburista li kienet qabel rekwiżizzjonata mill-Gvern Laburista fis-snin tmenin. Farrugia qal li jemmen li din it-telefonata kienet parti minn kampanja tal-Partit Nazzjonalista u Muscat ma riedx li f’dan it-tieni dibattitu tiġri l-istess ħaġa.
Mistoqsi mill-Avukat Andrew Borg Cardona jekk kliem Joseph Muscat kienx theddida diretta lil Peppi Azzopardi u Norman Vella, Farrugia ddeskriva l-inċident bħala xi ħaġa normali li tiġri bejn politiċi u ġurnalisti. Farrugia qal li t-tpattija li kien qed jirreferi għaliha Muscat ma kinitx tpattija personali imma tpattija politika. Skont Farrugia, Muscat ried jgħid lil Azzopardi u lil Vella li l-Partit Laburista għandu l-mezzi politiċi biex ipatti għall-ħsara politika li tista’ ssirlu u li dawn il-mezzi Muscat kien lest jużahom.
Fix-xhieda tiegħu, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern ammetta wkoll li ħa żball meta stqarr mal-ġurnal The Times li f’Ġunju li għadda l-PBS kien talab għat-tneħħija ta’ Vella. Farrugia qal li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien qal dan mingħajr ma laħaq iċċekkja l-fatti, minħabba pressjoni li kienet qed issirlu mill-ġurnalisti. Farrugia qal li xi żmien wara, kien induna li għamel żball u sar jaf li Vella ma tneħħiex mill-PBS fuq talba tal-PBS imma fuq talba tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ Manuel Mallia.
Kurt Farrugia kkonferma wkoll li l-Partit Laburista qatt ma ressaq ilmenti fil-konfront ta’ Norman Vella quddiem l-Awtorità tax-Xandir jew quddiem il-PBS. Peppi Azzopardi wkoll ikkonferma li kemm hu u Norman Vella damu responsabbli għal Xarabank, Bijografiji u TVHemm qatt ma nstabu ħatja ta’ xi żbilanċ jew imparzjalità. B’danakollu Farrugia xehed li fil-fehma tiegħu Vella kien ikun iebes wisq fil-mistoqsijiet li kien jagħmel lill-kelliema tal-Partit Laburista.
Il-każ, li fih Norman Vella qed jallega diskriminazzjoni politika, ikompli jinstema’ quddiem il-Kummissjoni għall-Impjiegi fil-15 ta’ Mejju.
//= $special ?>