Knisja Kultura Lokali

Il-Knisja tfakkar Ħadd il-Palm

Matul il-ġurnata tal-Ħadd il-Knisja Kattolika qed tiċċelebra Ħadd il-Palm, il-festa li tiġi ċċelebrata ġimgha qabel Ħadd il-Għid, u li matulha, il-Knisja tfakkar is-Solennità Liturġika tad-Dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, milqugħ bħala Re.

F’pajjiżna, Ħadd il-Palm jiġi ċċelebrat b’funzjonijiet fil-knejjes madwar Malta u Għawdex u purċissjonijiet biex ifakkru l-episodju bibbliku tad-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm. F’xi parroċċi oħra, f’din il-ġurnata joħorġu wkoll purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.

Iżda sfortunatament, f’diversi bliet u rħula, dawn il-purċissjonijiet li huma parti mit-tradizzjoni f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, kellhom jitħassru minħabba t-temp ħażin li laqat il-gżejjer Maltin u li wasslu biex diversi parroċċi madwar Malta u Għawdex ħassru jew ipposponew il-purċissjonijiet ta’ Ħadd il-Palm.

Iżda minkejja li tħassru diversi purċissjonijiet, il-funzjonijiet fil-knejjes saru kif pjanat. F’diversi parroċċi madwar Malta u Għawdex isir il-qari tradizzjonali tal-passju, li hu r-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù.

Ħadd il-Palm ikun ċelebrat madwar id-dinja kollha, u jekk ikollna mmorru fil-Vatikan, il-Papa wkoll fakkar dan il-jum b’quddiesa fi Pjazza San Pietru.

Fil-pjazza tal-Vatikan, iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’purċissjoni. Wara sar tberik solenni tal-Palm u tal-friegħi taż-żebbuġ mill-Papa Franġisku. Waqt iċ-ċelebrazzjoni nqara wkoll il-passju mill-Vanġelu ta’ San Mattew.

Ħadd il-Palm hi s-solennità liturġika meqjusa bħala dik li tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa, li twassal biex il-Ħadd li ġej, l-Insara jiċċelebraw l-ikbar festa fil-kalendarju liturġiku tagħhom – L-Għid il-Kbir, li jimmarka l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù.

Ritratti: Josepg Galea