Fuq stedina tal-Fondazione Centesimus Annus Pro Pontifice, l-eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi indirizza konferenza internazzjonali annwali fil-Vatikan bit-tema: ‘The Good Society and the Future of Jobs: Can solidarity and fraternity be part of business decisions?’ Fondazione Centesimus Annus Pro Pontifice hija għaqda volontarja li tippromwovi l-istudju tad-duttrina tal-Knisja Kattolika kif espressa fl-enċiklika ‘Centesimus Annus’ tal-Papa San Ġwanni Pawlu II.
Fid-diskors tiegħu, Lawrence Gonzi tkellem dwar l-effett li ħalliet il-kriżi finanzjarja fuq id-dinja, speċjalment l-effet li ħalliet fuq l-impjiegi u x-xogħol. Semma kif l-edukazzjoni u l-avvanz fit-teknoloġija hija huma ċ-ċavetta għall-ħolqien tax-xogħol. Huwa għamel enfasi fuq il-valuri, l-etika u l-moralità fin-negozju u l-kummerċ, li huma neċessarji biex negħlbu l-isfidi fl-ekonomija dinjija. Fost il-valuri li semma’ Lawrence Gonzi, insibu s-sensittività lejn l-ambjent u t-tibdil fil-klima, ir-rispett lejn il-ħaddiema u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u taħriġ kontinwu tul il-ħajja. Skont Lawrence Gonzi, is-solidarjetà u l-fraternità huma l-aqwa garanzija biex ngħixu f’soċjetà tajba, ġusta u sostenibbli.
Meta kien qed jitkellem dwar il-vokazzjoni fil-politika, Lawrence Gonzi qal li l-politika għandha tfittex dejjem il-ġid komuni u tevita ideat populisti. Fuq kollox, il-bniedem għandu jibqa’ fiċ-ċentru tal-ħidma tal-politiċi u tan-negozju. Għalhekk, id-dinja għandha tħaddan il-valuri tal-libertà, tal-ġustizzja u tal-paċi sabiex nassiguraw ir-responsabbiltajiet tagħna lejn il-ġenerazzjoni futura.
//= $special ?>