L-istaġun tal-festi f’pajjiżna laħaq il-qofol tiegħu llum hekk kif pajjiżna ċċelebra l-Festa ta’ Santa Marija li hija iċċelebrata f’seba parroċċi, sitta f’Malta u waħda f’Għawdex.
Fil-fatt il-Festa ta’ Santa Marija tiġi ċċelebrata fil-Mosta, fil-Qrendi, fl-Imqabba, f’Ħal Ghaxaq, fil-Gudja, f’Ħ’Attard u fir-Rabat Għawdex.
Dan l-istazzjon il-Ġimgħa filgħodu mar fil-Gudja fejn l-Isqof Malti Awżiljarju tal-Albanija, George Frendo mexxa l-quddiesa pontifikali tal-Festa ta’ Santa Marija fil-knisja parrokkjali flimkien mal-kleru tal-Gudja. Ħa sehem ukoll il-kor parrokkjali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Stefan Caruana.
Fil-panġierku Patri Martin Coleiro qal li bħala Insara għandna nħallu lil Marija tispirana. Hu qal li ħafna qed jgħixu fi żmien ta’ relattiviżmu esaġerat fejn kulħadd jagħmel kif jaqbillu u ma jimpurtahx minn ħaddiehor. Hu qal li pajjiżna hu mgħobbi bir-reliġjożita` u mhux bil-fidi u fakkar li Marija kienet mara ta’ fidi kbira.
Sadattant fit-toroq tal-Gudja il-Banda Marija Assunta u l-Banda La Stella tal-Gudja allegraw lil pubbliku bid-daqq ta’ marci brijużi u marċi Marjani.
Il-qofol tal-festi f’dawn is-seba parroċċi ntlahaq filgħaxija bil-purċissjonijiet bl-istatwi ta’ Santa Marija.
Sadattant il-festa ta’ Santa Marija se tkun iċċelebrata wkoll fi tliet parroċċi oħra, tnejn f’Malta u waħda f’Għawdex. Il-Ħadd li ġej issir il-festa f’Ħad-Dingli u l-Ħadd ta’ wara ssir fl-Imġarr Malta u fiż-Żebbug, Għawdex.
Il-Festa ta’ Santa Marija hi marbuta wkoll ma dak li seħħ f’nofs it-tieni Gwerra Dinjija meta fl-1942, propju f’jum il-festa ta’ Santa Marija, fil-Port il-Kbir daħal dak li baqa msemmi bhala l-Konvoj ta’ Santa Marija.
Minn flotta ta’ 14-il bastiment merkantili li telqu lejn Malta bi provvisti u munizzjon, f’dik hekk imsejha Operation Pedestal, kienu biss ħames bastimenti li waslu Malta wara battalja qalila b’attakki mill-ajru minn ajruplani tal-gwerra Ġermanizi u Taljani.
//= $special ?>