Lokali

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-festi se tispiċċa sa’ 20 sena oħra

Jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Festi tibda titmermer bejn 15 u 20 sena oħra.

Din it-twissija saret mir-riċerkatur Dr Andrew Azzopardi, li mexxa u analizza stħarriġ dwar l-involviment taż-żagħżagħ fil-festi u l-għaqdiet tal-festi bħala parti mill-proġett: “Qalb Żagħżugħa, Festi Inklussivi”.

Proġett li beda b’inizzjattiva tas-Soċjeta’ Santa Marija, Banda Re Ġorg V tal-Imqabba b’finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew tal-Unjoni Ewropea.

Iktar minn 500 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar Malta u Għawdex ħadu sehem fl-istħarriġ. Fost dan jirriżulta li l-maġġoranza kbira taż-żagħżagħ li jinvolvu ruħhom fil-festi u l-għaqdiet huma l-irġiel b’78% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ.

Andrew Azzopardi kompla li mill-istħarriġ jirriżulta li kważi tliet kwarti taż-żgħażagħ fl-istħarriġ – 72% – qalu li ġejjin minn familja li jagħmlu xogħol manwali.

Filwaqt li iktar minn 75% stqarrew li l-imħabba għall-festa kienet trasmessa lilhom mill-ġenituri.

Chris Schembri Baldacchino, President tal-Kumitat taż-Żgħażagħ tas-Soċjeta’ u wieħed mill-koordinaturi tal-proġett, qal li l-fażi li jmiss hi dik tal-implimentazzjoni, fejn fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru tliet seminars ta’ diskussjoni u jilħqu l-qofol tagħhom f’konferenza nazzjonali f’Ottubru.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Isabelle Camilleri qalet li kull tip ta’ involvement ta’ żagħżagħ fis-soċjeta’ hu tajjeb u għandu jiġi nkoraġġit.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar qal li ż-żgħażagħ iridu jkunu protagonisti fis-soċjeta’. Aħna għandna l-obbligu li nħallu dak tawna missirijietna fuq sisien sodi.