Lokali

Il-każ tal-frodi: Jgħib it-tieni Malti fil-frodi ta’ €40 miljun

ESKLUSSIVA

joe.mikallef@media.link.com.mt

[headlines headline=”h3″ ]Adrian Agius imfittex minn bosta li sellfu l-flus lil Ryan Schembri[/headlines] [headlines headline=”h3″ ]Negozjanti jgħidu li huma għaddew flushom direttament lil Adrian Agius u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar jafu direttament lilu[/headlines] [headlines headline=”h3″ ]Missieru Raymond Agius inqatel f’April tal-2008 b’tiri ta’ arma tan-nar waqt li kien qed jieħu tè fil-Butterfly Bar f’Birkirkara[/headlines]

Adrian Agius, Żebbuġi ta’ 36 sena li kien jaħdem mill-qrib ħafna ma’ Ryan Schembri ta’ 36 sena wkoll u li bħalissa hu mfittex mill-Pulizija b’rabta ma’ frodi ta’ mill-inqas €40 miljun, jidher li għeb ukoll tant li bosta negozjanti li tkellmu ma’ il-mument qalu li ilhom għal dawn l-aħħar jiem ifittxuh b’rabta ma’ flus kbar li għaddewlu biex ikunu investiti fl-international cross trading mħaddma minn Ryan Schembri.

Ebda suċċess fit-tfittxija
Negozjanti u investituri Maltin sostnew ma’ il-mument li ilhom għal dawn l-aħħar jiem jippruvaw b’mod persistenti jaqbdu lil Adrian Agius. Dan għamluh mhux biss bil-mobile, imma anki billi fittxewh f’postijiet soltu frekwentati minnhom.

Sfortunatament ma kellhom ebda suċċess f’dan it-tiftix. Barra minhekk kien hemm ukoll min avviċina qraba tiegħu biex forsi jikseb informazzjoni dwar fejn jista’ jkun li qiegħed, iżda t-tweġiba li ngħataw kienet li huma ma għandhom l-ebda ħjiel ta’ fejn jista’ jinsab.

X’qed jgħidu n-negozjanti migduma
Negozjanti li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li hemm żewġ teoriji prinċipali ta’ dak li x’aktarx ġara. Ryan Schembri għeb minn Malta fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru 2014 u ħalla warajh muntanja ta’ problemi. Meta fiċ-ċrieki tan-negozju qrib Ryan Schembri bdiet tiġri l-aħbar li dan seta’ ħarab minn Malta, dawn bdew ifittxu direttament lil Ryan Schembri biex jieħdu flushom lura.

Dan kien kollu ta’ xejn u l-qatgħa għal dawn in-nies kibret meta stabbilew li fil-verità Ryan Schembri kien ħarab minn Malta flimkien ma’ familtu bil-katamaran.

Bosta minn dawn in-negozjanti u investituri li kienu taw il-flus lil Ryan Schembri biex jiġġestixxihom fl-international cross trading, bdew javviċinaw lil Adrian Agius u bdew jgħidulu li finalment huma jafu lilu għax lilu kienu jgħaddu flushom biex imbagħad l-istess flus ikunu trasferiti lil Ryan Schembri.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li in vista ta’ dan ix-xenarju l-probabbiltà l-kbira hi li Adrian Agius antiċipa din is-sitwazzjoni u x’aktarx li anki hu dabbar rasu lil hinn minn xtutna biex temporanjament jew le jħalli l-mewġ ibatti xi ftit
Nifhmu li iżda hemm probabbiltà oħra ta’ x’seta’ ġara minn Adrian Agius, jiġifieri dik li jinsab mistoħbi f’Malta, ‘il bogħod minn għajnejn dawn in-negozjanti u investituri biex hekk għal mument, forsi waqt li l-affarijiet jikkalmaw xi ftit, hu jaħrab mir-rabja tagħhom.

Is-sorsi li tkellmu fissrulna li huma jifhmu tajjeb ħafna s-sitwazzjoni li spiċċa fiha Adrian Agius. “Sitwazzjoni antipatika ħafna għax Adrian Agius hu fost l-aktar migduma u fost l-agħar li qiegħed iġarrab.

“Għax anki hu ħalla ġidu u kulma kellu f’idejn Ryan Schembri bir-riżultat li dan ħarab minn Malta u qiegħed iħalli ħafna nies f’diffikultajiet kbar.

“Adrian Agius spiċċa bħal perżuta bejn biċċtejn ħobż – bejn Ryan Schembri li jidher li ffrodalu kulma kellu u bejn bosta investituri li kienu jagħtu direttament lilu l-flus biex imbagħad jgħaddihom lil Ryan Schembri. Jiġifieri, f’termini sempliċi, qiegħed isofri minn dak li għamillu Ryan Schembri li nqeda bih u ramih u qiegħed ikun imfittex minn tant negozjanti Maltin li bir-raġun iridu mhux biss sodisfazzjon dwar flushom, imma flushom lura flimkien mal-profitti u l-imgħaxijiet imwiegħda.”

Kif tħaddmet l-iskema
Sorsi oħra indipendentement minn dawn fissrulna lil Adrian Agius bħala li kien leali ħafna lejn Ryan Schembri u kien jagħmel ħiltu kollha biex iħajjar u jħeġġeġ investituri u nies li kellhom il-flus biex jidħlu fl-iskema tal-international cross trading imħaddma minn Ryan Schembri.

Dawn qalu lil il-mument li Ryan Schembri kien jimpressjona lil kulħadd bil-ħafna files, dokumenti u korrispondenzi li kien juri dwar l-operat tiegħu. Fil-verità sa Marzu/April dejjem ħallas il-pagamenti dovuti lill-investituri tiegħu u qatt ħadd minnhom ma ġera wara flusu. Kien in vista ta’ dan li hu ħa isem tajjeb ħafna fost ħafna investituri li bdew jafdawh b’għajnejhom magħluqa u jagħtuh il-flus kollha li jkollu bżonn biex hekk jixtri kunsinni kbar ta’ laħam minn pajjiżi bħall-Brażil u wara jbiegħ l-istess kunsinni lil kumpaniji u azjendi fl-Ewropa u anki fil-Libja.

Is-sorsi qalulna li ħafna drabi x-xiri tal-laħam u ikel iffriżat kienu jinxtraw minn pajjiżi bħall-Brażil u l-Polonja, iżda mbagħad jgħaddu tramite kumpanija oħra fil-Kroazja u kollox jibqa’ sejjer dritt il-Libja.

Mal-Libja Cassar & Schembri (Marketing) Limited kienet taħdem ħafna mhux biss għaliex kellha supermarket f’Palm City fi Tripli, imma anki għaliex kellha ċentru kbir tad-distribuzzjoni fejn bosta negozjanti Libjani kienu jmorru jixtru l-bżonnijiet tagħhom minn hemmhekk biex imbagħad ibiegħu huma l-istess prodotti.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li in vista ta’ dan kollu hu kien iqabbad nies qrib tiegħu bħalma hu Adrian Agius biex jaħdmu u jħajru investituri Maltin biex huma jidħlu għal dan in-negozju u b’mod regolari jdaħħlu flejjes tajba fi profitti u imgħaxijiet.

Dak li ħadd ma kien konxju tiegħu hu l-pjan ta’ Ryan Schembri li darba jaħrab minn Malta b’kollox u jħalli lil kulħadd sorpriż kif fil-fatt ġara u saħansitra n-nies l-eqreb tiegħu ħallihom bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa.

Sorsi oħra li tkellmu ma’ il-mument awguraw li wieħed jifhem is-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha Adrian Agius li hu wkoll migdum bil-kbir, kif ġralu Etienne Cassar, is-sieħeb ewlieni ta’ Ryan Schembri fil-kumpanija Cassar & Schembri (Marketing) Limited u li intervista estensiva miegħu kienet pubblikata fil-ġurnal In-Nazzjon nhar il-Ġimgħa li għadda.

Adrian Agius iben vittma maqtul b’tiri ta’ arma tan-nar
Sadattant fi żvilupp ieħor importanti jirriżulta li Adrian Agius jiġi wieħed mit-tfal ta’ Raymond Agius li f’April tal-2008 kien inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar waqt li kien qiegħed jieħu tè fil-Butterfly Bar f’Birkirkara.

Kien nhar il-Ħamis, 24 ta’ April tal-2008 meta żewġ persuni riekba mutur u li wiċċhom kien mgħotti bi crash helmet, daħlu fil-ħanut Butterfly Bar fejn kien hemm bil-qegħda Raymond Agius, negozjant magħruf, fosthom ukoll fil-qasam tal-bejgħ u x-xiri tal-karozzi, u sparawlu diversi tiri u ħallewh mejjet fil-post.

PIX D butterfly bar

Ritratt: Adrian Agius jiġi wieħed minn ulied Raymond Agius li f’April tal-2008 inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar meta kien qiegħed jieħu tè fil-Butterfly Bar f’Birkirkara.

Il-Pulizija kienet investigat b’reqqa kbira dak id-delitt fid-dawl tax-xemx u kienu ngħadu diversi teoriji dwar id-delitt, li iżda baqa’ mhux solvut.

Nifhmu li dakinhar iż-żewġ qattiela – tassew preċiżi fil-missjoni suċċess tagħhom – kienu mikrija jew imqabbda biex jagħmlu xogħol preċiż tant li filwaqt li fil-Butterfly Bar waqt ħin id-delitt kien hemm diversi persuni oħra, fosthom car dealer ieħor, huma daħlu fl-istess Bar u wettqu x-xogħol imqabbad lilhom bi preċiżjoni liema bħalha.