Lokali

Silvio Scerri, Chief of Staff ta’ Mallia – mażżra ma’ saqajn Joseph Muscat

Investigazzjoni ta’ IL-MUMENT

Dawk kollha viċin il-Prim Ministru Joseph Muscat jikkunsidraw li fil-preżent tlieta huma l-persuni li huma ta’ mażżra ma’ Muscat u f’mument jew ieħor, kemm-il darba ma jibdlux l-atteġġjament tagħhom, dawn se jispiċċaw itiru minfejn huma.

Wieħed minn dawn il-persuni mhu ħadd għajr Silvio Scerri li jidher li issa hu tard wisq għalih biex jiġbor il-frak kollu li rriduċa fiha s-sitwazzjoni tul dawn l-20 xahar.

Minn Kastilja jridu li Silvio Scerri itir
Nifhmu li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’dawn il-jiem kien f’impenn ġenwin biex jinstab persuna oħra biex tieħu l-post ta’ Silvio Scerri bħala ċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Iż-żewġ persuni l-oħra li jidher li qed idejqu ħafna lill-Prim Ministru nafu min huma iżda f’dan l-istadju mhux prudenti li niżvelaw isimhom. Iżda nistgħu ngħidu li wieħed minnhom jokkupa l-kariga ta’ Ministru fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat, filwaqt li l-persuna l-oħra hi eks Membru Parlamentari.

Il-każ tal-arrest illegali ta’ Darry Luke Borg
L-ewwel sinjali konkreti li Silvio Scerri kien se jkun mażżra tqila ma’ Joseph Muscat bdew ifeġġu fis-sajf tal-2013 meta kienet qamet il-kontroversja dwar l-arrest illegali taż-żagħżugħ Darryl Luke Borg.

Ta’ min ifakkar li grazzi għall-Oppożizzjoni, meta l-Kelliem Jason Azzopardi f’Lulju tal-2013 kien żvela li kien l-istess Silvio Scerri li uża s-servizzi ta’ eks kriminal magħruf biex javviċina xhud li kellu jixhed f’inkjesta quddiem il-Bord tal-Pulizija, dan kien ikkonfermat minn omm l-istess Darryl Luke Borg permezz ta’ Affidavit li hi kienet għamlet.

Il-każ ta’ Darryl Luke Borg jirrigwarda l-arrest tiegħu b’konnessjoni ma’ allegat hold-up. Eventwalment dan iż-żagħżugħ kien tressaq il-Qorti u kien akkużat b’dan ir-reat. Grazzi għall-Ispettur Elton Taliana, kien tressaq il-Qorti l-persuna li verament kienet wettqet il-hold-up. Kien grazzi wkoll għall-Ispettur Taliana li l-Qorti kienet infurmata li ż-żagħżugħ Darryl Luke Borg, li kien tressaq il-Qorti minn Spetturi oħra, kien jinsab il-ħabs għal xejn. Fil-fatt Darryl Luke Borg kien diġà qatta’ lejl fil-ħabs inġustament.

Fil-kontroversja li kienet qamet, il-Bord tal-Pulizija ntalab jinvestiga l-aġir tal-Ispettur Elton Taliana, meta kien l-Ispettur Taliana li ressaq il-persuna l-korretta involuta fil-hold-up u kien grazzi għalih li kulħadd sar jaf li Darryl Luke Borg kien innoċenti u ma kellu x’jaqsam xejn mal-hold-up.

F’din l-inkjesta quddiem il-Bord tal-Pulizija, li wieħed mill-membri tiegħu hu Keith Chetcuti, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Nexos – li Silvio Scerri kien Direttur tagħha – wieħed mix-xhieda ewlenin kellu jkun Darryl Luke Borg. Minkejja dan, Silvio Scerri, skont kif qalet bil-ġurament omm Darryl Luke Borg, inqeda bis-servizzi ta’ eks kriminal magħruf biex iltaqa’ miegħu qabel ma dan xehed fl-inkjesta. Minn hemmhekk feġġew l-ewwel sinjali ta’ tħassib fil-mod kif jaħdem Scerri.

Il-każ tar-rapport lill-Pulizija kontra Silvio Scerri mill-eks sieħba tiegħu
Każ ieħor kbir ta’ indħil dirett minn Silvio Scerri, u dan anki fl-isfond ta’ ħafna transfers direttament ordnati minn Silvio Scerri, ifeġġ bit-transfers li qala’ s-Supretendent Carmelo Bartolo fl-aħħar xhur.

Mill-investigazzjonijiet li għamel il-mument jirriżulta li Carmelo Bartolo dabbar l-ewwel transfer fis-sajf tal-2013 meta nqala’ mill-Għassa ta’ Bormla u ntbagħat fl-Għassa taż-Żejtun.

F’Novembru tal-istess sena Carmelo Bartolo qala’ transfer mill-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun għall-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan. Dan ġara wara li fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun, Stephanie Chircop, l-eks sieħba ta’ Silvio Scerri, kienet għamlet rapport kontra Silvio Scerri minħabba problemi personali ta’ bejniethom.

Il-każ kien mar quddiem is-Supretendent Carmelo Bartolo li beda jinvestiga, iżda ftit jiem biss wara ttajjar minn hemmhekk. Dan is-Supretendent hu fost dawk l-aktar ħabrieka u serju fix-xogħol tiegħu. Hu magħruf sew kemm hu skrupluż fil-qadi tad-doveri tiegħu.

Dwar ir-rapport ta’ Stephanie Chircop li kien beda jinvestiga nifhmu li hu kien qiegħed jieħu dak ir-rapport bl-akbar serjetà kif kien id-dover tiegħu li jagħmel. Dan indipendentament mill-fatt li kien jaf tajjeb li proprju s-sieħeb ta’ Stephanie Chircop li kontrih kien qiegħed isir dan ir-rapport, kien proprju Silvio Scerri, iċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Fi Frar tal-2014 is-Supretendent Carmelo Bartolo qala’ transfer ieħor, din id-darba mill-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan għall-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun.
Barra minhekk hekk tajjeb li jingħad li l-aħħar sena u nofs hemm fizzjali li qalgħu transfers aktar milli qalgħu f’25 sena sħaħ.

Jistennew li Muscat jieħu azzjoni
Dwar dan kollu il-mument talab il-kummenti ta’ Jason Azzopardi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, li enfasizza li dwar dawn l-istejjer, Pulizija ta’ kull kulur politiku iżda li tassew iħobbu l-uniformi tagħhom, xebgħu jistaqsu kif il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu ma għamel xejn biex Silvio Scerri jittajjar mill-kariga li jokkupa. Dan aktar u aktar meta kulħadd jaf li sa qabel l-elezzjoni, Joseph Muscat kien ripetutament wiegħed li bih bħala Prim Ministru, Malta kien se jkollha l-aktar Gvern li jagħti rendikont ta’ għemilu mill-Indipendenza sa llum.

Jason Azzopardi qal li iżda s’issa jidher evidenti ħafna li dan il-prinċipju ta’ kontabbiltà ma jappika assolutament xejn fir-rigward ta’ Silvio Scerri.
Hu temm jistaqsi jekk hux anki l-Prim Ministru Joseph Muscat li għal xi raġuni jew oħra qiegħed jibża’ jieħu passi fir-rigward ta’ Silvio Scerri? Dan aktar u aktar meta hu fatt magħruf li sia Ministri, sia Uffiċjali f’Ministeri oħra u anki attivisti Laburisti lkoll qed jitkellmu b’vuċi waħda kontra l-arroganza u l-abbużi minn Silvio Scerri.

<h3>L-indħil ta’ Silvio Scerri fil-Korp tal-Pulizija jimbarazza lill-Gvern ta’ Muscat</h3>
Silvio Scerri, iċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, hu l-uniku Chief of Staff fost il-kollegi f’din il-pożizzjoni li kontinwament qiegħed jimbarazza lill-Gvern bl-arroganza u bl-imġiba xejn korretta tiegħu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat hu mxebba bl-attitudni ta’ Silvio Scerri li fi ħdan id-dekastru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jaħseb li jista’ jagħmel li jrid, x’ħin irid u meta jrid.

Muscat imxebba bl-atteġġjament ta’ Silvio Scerri
Nifhmu li dan l-imbarazzament għall-Prim Ministru issa wasal lejn it-tmiem tiegħu u il-mument hu f’pożizzjoni li jiżvela li minn mument għall-ieħor il-Prim Ministru jista’ jtemm l-arja kollha li għandu Silvio Scerri u jtemmlu l-kuntratt tiegħu mal-Gvern bħala Chief of Staff tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Sorsi qrib ħafna ta’ Kastilja assiguraw lil il-mument li l-Prim Ministru Joseph Muscat hu litteralment imxebba bl-atteġġjament ta’ Silvio Scerri bir-rapporti dwar l-abbużi u l-indħil sfaċċat tiegħu mhux biss huma kontinwi, iżda issa laħqu livelli inaċċettabbli u huma ta’ imbarazzament għall-istess Gvern.

Silvio Scerri, l-eks Kummissarju tal-Pulizija u t-transfers
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit qatt ma seta’ jaqbad art proprju minħabba l-indħil kontinwu minn Silvio Scerri li rrendielu l-pożizzjoni u r-rwol tiegħu ferm u ferm diffiċli. Pietru Pawl Zammit fi ċrieki qrib ferm tiegħu u li hu għandu l-fiduċja tagħhom, jistqarr li l-indħil li kien ikollu direttament minn Silvio Scerri kien wieħed li diffiċli biex timmaġinah.

il-mument jista’ jiżvela li Silvio Scerri direttament kien ikun involut fi transfer mogħtija lill-Pulizija. Nistgħu niżvelaw li t-trasferimenti kollha tal-Pulizija li saru nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa – lejliet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju ta’ din is-sena – saru kważi kollha direttament fuq ordni tiegħu tant li Silvio Scerri nnifsu mhux biss injora u qabeż lil Pietru Pawl Zammit, iżda ripetutament ċempel lill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tal-Korp u tratta ma’ persuni partikolari u tahom l-ordni għall-ħruġ ta’ dawn it-trasferimenti.

Jirriżultalna, anki permezz ta’ Mistoqsija Parlamentari li saret minn Jason Azzopardi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, li f’dawk it-48 siegħa saru b’kollox 61 transfer fil-Korp tal-Pulizija.

L-għada filgħodu, jiġifieri fil-jum tas-Sibt nhar il-votazzjoni għall-ħatra ta’ Membri Parlamentari fil-Parlament Ewropew, meta l-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit, daħal l-uffiċċju fil-Kwartieri Ġenrali tal-Pulizija fil-Furjana, wera ruħu disgustat b’dak kollu li kien ġara u wkoll bil-mod kif hu kien injorat u maqbuż minn Silvio Scerri. Hu nstema jgħid diskors bħal li “this is unbearable”.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li tul l-20 xahar ta’ Gvern immexxi mill-Partit Laburista, Silvio Scerri kontinwament sfrutta l-pożizzjoni tiegħu mhux biss bi ndħil fit-trasferiment tal-Pulizija.

‘Kont ordnat nagħmel hekk… rabtuli idejja mill-Ministeru’
Dwar dan ukoll, il-mument ħa r-reazzjonijiet ta’ Jason Azzopardi, il-Kelliem tal-PN dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Intern, li qal li hu fatt li kontinwament, sa mill-ewwel ġranet minn wara l-elezzjoni, Silvio Scerri beda jindaħal fejn mhux suppost fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija u anki fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-kummenti ripetuti, b’mod partikulari minn fizzjali għolja fil-Korp tal-Pulizija, dejjem kienu fis-sens li meta jintalbu jispjegaw għaliex ikunu ttieħdu ċerti deċiżjonijiet, dawn, imbarazzati, iwieġbu “tistaqsix lili, imma kont ordnat nagħmel hekk mill-Ministeru.”

Nafu b’każi ta’ fizzjali li kienu qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna u li saħansitra l-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit kien jifirħilhom għax-xogħol u l-impenn tagħhom. Kien jurihom ukoll kemm kien kuntent bix-xogħol li qed jagħmlu u jħeġġiġhom biex jissoktaw jaħdmu hekk.

F’daqqa waħda in vista ta’ dan kollu, dawn l-istess fizzjali jirċievu ordni ta’ trasferiment. B’sajjetta fil-bnazzi bħal din, dawn l-istess fizzjali kienu jitolbu sodisfazzjon jew spjega għaliex ittajru minfejn kienu. Kienu jistaqsu lill-istess eks Kummissarju Pietru Pawl Zammit li sa ftit jiem biss qabel kien jifirħilhom għall-impenn tagħhom. Ir-risposta, kważi identika, tal-eks Kummissarju Pietru Pawl Zammit kienet tkun dejjem: “Għandek raġun… rabtuli jdejja mill-Ministeru… tistaqsix lili!”

Jason Azzopardi kompla li hu sigriet magħruf fost il-membri tal-Pulizija li de facto l-Kummissarju tal-Pulizija la kien l-eks Kummissarju Pietru Pawl Zammit u anqas hu l-Aġent Kummissarju Ray Zammit… imma fil-fatt hu Silvio Scerri.

Jason Azzopardi temm li tajjeb li wieħed japprezza li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit qatt ma kien kapaċi jieqaf lil Silvio Scerri bir-riżultat li dan kompletament ħa r-riegni tal-Korp f’idejh u dejjem iddetta dak li ried isir.

Fil-każ tal-Aġent Kummissarju Ray Zammit, li jħobb tassew l-uniformi u anki lill-Korp, jidher li ftit ftit l-affarijiet se jirrepetu ruħhom kif ġara fil-każ tal-eks Kummissarju Pietru Pawl Zammit għax anki llum l-indħil dirett jew indirett tiegħu fit-tmexxija tal-Korp qed tkun waħda persistenti.