Lokali

Imfakkar il-25 anniversarju tal-istatwa ta’ Kristu tal-Baħħara

25 sena ilu, fl-1990, l-istatwa ta’ Kristu tal-Baħħara tpoġġiet ‘il barra mill-Gżejjer ta’ San Pawl fejn tbierket mill-Papa Ġwanni Pawlu t-II, illum qaddis, fl-ewwel żjara tiegħu fil-Gżejjer Maltin.

Biex jitfakkar dan l-anniversarju, il-Ħadd filgħodu saret żjara fil-post b’dgħajsa li fuqha kien hemm preżenti wkoll l-Arċisqof Charles J. Scicluna. Din id-dgħajsa ntagħżlet apposta għaliex il-qiegħ tagħha hu tal-ħġieġ u għalhekk wieħed seta’ jara taħt il-baħar.

Jakkumpanja d-dgħajsa kien hemm ukoll għaddas armat b’kamera speċjali bl-għan li dawk fuq id-dgħajsa setgħu jaraw dak li kien qed jiġri taħt il-baħar. Dan għaliex l-istatwa tinsab f’fond ta’ 35 metru.

Kamera

Matul din il-kommerorazzjoni, numru ta’ għaddasa poġġew plakka kommemorattiva li kienet imbierka mill-Arċisqof Scicluna. Tpoġġew ukoll fjuri friski li ffurmaw in-numru 25 b’tifkira ta’ dan l-anniversarju.

Plakka Kommemorattiva

Wara din iċ-ċerimonja, dawk preżenti marru l-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta fejn wieħed isib replika tal-istatwa ta’ Kristu tal-Baħħara. Hemm l-Arċisqof Scicluna bierek ukoll din ir-replika.

Hu kien preżentat ukoll minn replika żgħira tal-istatwa minn Raniero Borg, li 25 sena ilu mexxa grupp ta’ għaddasa li kkumissjonaw l-istatwa u akkumpanjaw lill-Papa Ġwanni Pawlu t-II fil-post fejn tniżżlet taħt il-baħar.

Replika

L-istorja wara l-istatwa ta’ Kristu tal-Baħħara

L-istatwa ta’ Kristu tal-Baħħara hi xogħol l-iskultur Malti Alfred Camilleri Cauchi li kien ukoll preżenti għat-tifkira tal-25 sena anniversarju.

Alfred Camilleri Cauchi

L-istatwa hi magħmula mill-konkrit u miksija bil-fiberglass biex tkun protetta mill-elementi u ġiet ikkummissjonata minn grupp ta’ għaddasa mmexxija minn Raniero Borg.

L-istatwa hi waħda dettaljata ħafna u meqjusa fost l-isbaħ fid-dinja. Oriġinarjament din kienet tpoġġiet qrib il-Gżejjer ta’ San Pawl fl-1990 u tbierket mill-Papa Ġwanni Pawlu t-II fil-post stess.

Madankollu għaxar snin wara din tmexxiet lejn iż-żona ta’ Qawra Point għaliex kienet qed titlef il-valur tagħha minħabba li naqset il-viżibilta’ tal-baħar.

Iż-żona fejn tinsab l-istatwa saret popolari mal-għaddasa kemm minħabba din l-istatwa storika imma wkoll għaliex fil-qrib wieħed isib il-bastiment MV Imperial Eagle.

L-Imperial Eagle kienet waħda mid-dgħajjes li kienet tgħaqqad Malta ma’ Għawdex. Din għamlet l-ewwel vjaġġ tagħha fl-1 ta’ Ġunju 1958 u baqgħet topera mill-Imġarr sal-Marfa sa Marzu tal-1968.

L-Imperial Eagle kienet tesa’ 70 passiġġier u 10 karozzi. Wara bdiet topera mill-Belt għal Għawdex bħala mezz ta’ trasport tal-merkanzija.

Fl-1995 inxtrat minn komunita’ ta’ għaddasa lokali bl-iskop li tiġi mgħarrqa u tibda tintuża bħala attrazzjoni għall-għaddasa Maltin u barranin.

MV Imperial Eagle

Ritratti grazzi għal Raniero Borg u l-Kurja ta’ Malta.