Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr huwa mħasseb mhux ftit wara li d-Deputat Laburista Etienne Grech, f’artiklu fit-timesofmalta.com saħaq biex isir studju biex il-bajja ta’ Fomm ir-Riħ issir iżjed aċċessibbli għall-pubbliku.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qal li din il-bajja hija ġawhra ambjentali minħabba li għadha fl-istat naturali tagħha u b’intervent minimu mill-bniedem. Din il-bajja toffri veduta imprezzabbli lil dawk li japprezzaw in-natura u jagħżlu li jmorru jimxu jew dawra bir-rota fil-kampanja tan-naħat ta’ Fomm ir-Riħ – veduta li ma tantx baqgħalna bħalha f’pajjiżna.
Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr saħaq huwa kontra l-idea li tiżdied l-aċċessibilta` minħabba l-biża’ li l-bajja ssir ikkummerċjalizzata bħall-bajjiet l-oħra madwar Malta u Għawdex, u titlef il-valur ambjentali tagħha.
B’obbligu morali, il-Kunsill jemmen li din il-bajja għandha tiġi mħarsa biex titgawda fl-istat naturali tagħha għall-ġenerazzjonijiet futuri, u l-uniku ntervent li jagħmel il-Kunsill fiha hu meta jnaddafha permezz ta’ dgħajjes minn materjal li jinġarr fiha bil-kurrent tal-baħar. Dan kien il-prinċipju li l-Kunsill Lokali tal-Imġarr dejjem mexa bih anke` mal-amministrazzjonijiet preċedenti.
Fl-istqarrija l-Kunsill Lokali qal li jidher li d-deputat Laburista Etienne Grech diġa` qed jiddiskuti dan il-pjan mal-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, u għalhekk l-Kunsill jistenna li jiġi kkonsultat u nvolut fid-diskussjonijiet ukoll qabel tittieħed deċiżjoni.
//= $special ?>