Lokali

Il-Knisja ta’ Ħad-Dingli se ssir ‘Knisja Arċipretali’

Il-Knisja ta’ Ħad-Dingli, iddedikata lil Sidtna Marija Mtella’ s-Sema’, se jinbidlilha t-titlu tagħha u mhux se tibqa’ iktar waħda Parrokkjali imma ssir Arċipretali.

Ħabbar dan l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna, hekk kif illejla mexxa’ l-quddiesa ta’ lejliet il-festa tal-Assunta, li tiġi ċċelebrata għada. Għal din l-aħbar, li waslet bħala sorpriża għad-Dinglin, dawk preżenti nfexxew f’applaws twil ta’ sodisfazzjon.

Dan ifisser li issa, il-Knisja Arċipretali ta’ Sidtna Marija Mtella’ s-Sema’ f’Ħad-Dingli se tibda titmexxa’ mill-Arċipriet, u mhux mill-Kappillan.

L-ewwel Arċipriet għal dan ir-raħal mistenni jkun il-Kappillan attwali Ewkarist Zammit, li hu maħbub ħafna fost id-Dinglin anke’ għall-fatt li rnexxielu jgħaqqad u jelimina l-pika bejn il-każini u l-knisja tal-lokal.

Il-Knisja ta’ Ħad-Dingli hi fost l-eqdem f’pajjiżna u fil-passat kienet assoċjata mar-raħal żgħir ta’ Ħal Tartarni, li minnu żviluppa Ħad-Dingli.

Snin twal ilu l-Knisja ta’ Ħad-Dingli kienet taqdi l-bżonnijiet ta’ madwar 400 persuna, inklużi dawk ta’ Ħal Tartarni u hamlets oħra fil-viċinanzi iżda kienet tinsab fi stat ħażin, bi dħul baxx ħafna u saħansitra bla qassisin.

Dan wassal biex waqt żjara tal-Arċisqof Baldassare Cagliares fl-1 ta’ Ottubru 1615, id-Dinglin ilmentaw li ma kellomx rettur jew qassis u għalhekk appunta lil Dun Xmuni Fenec bħala r-Rettur tal-Knisja.

Wara l-mewt tal-Arċisqof Buenos, il-Vigarju Ġenerali Dun Ġann Anton Cauchi neħħa t-titlu ta’ Parroċċa minn Ħad-Dingli. Madankollu dan tqies bħala abbuż ta’ awtorita’ u fil-31 ta’ Diċembru 1678, l-Arċisqof Molina ta mill-ġdid it-titlu ta’ Parroċċa u ħatar lil Dun Rajmond Mifsud bħala l-ewwel Kappillan.