Lokali

Filmat: Imniedi l-ktieb ‘iċ-Ċirasa’ tad-Deputat Mario Galea

X’jiġri meta d-Deputati Evarist Bartolo, Frederick Azzopardi u Mario Galea jkunu qegħdin il-Gżejjer Fiji, jgħaddu xi kummenti fuq żewg tfajliet, u wara ftit jindunaw li kienu Maltin? Jew meta d-Deputati Chris Said u George Pullicino jibdlu l-kowtijiet ta’ xulxin bi żball qabel ma jsiefru?

Dawn huma ftit mill-istejjer li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom jekk jaqra l-ktieb Iċ-Ċirasa miktub mid-Deputat Nazzjonalista Mario Galea.

Mario jispjega li l-ktieb fih iktar minn 160 storja li żgur se jnisslu tbissima lil kull min jaqra l-ktieb.

Il-maġġoranza tal-artikli jafu l-bidu tagħhom mill-artiklu Iċ-Ċirasa li Mario Galea kien beda jikteb lura fl-1983.

Il-ktieb, pubblikazzjoni ta’ Kite Group, huwa ddedikat lil omm Mario Galea li, fi kliem Mario nnifsu, kienet taqta’ l-artikli ta’ Iċ-Ċirasa, titwihom pulit u terfagħhom f’suppiera li kellha fil-kċina.

Il-ktieb, li għandu illustrazzjonijiet ta’ Mark Schembri, jinkludi introduzzjoni mill-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi u mill-awtur Trevor Zahra, ħabib personali ta’ Mario Galea u kelmtejn mill-awtur innifsu.

Il-ktieb kien imniedi nhar il-Ġimgha filgħaxija fil-Parlament li kienet indirizzata mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia. Preżenti wkoll il-President Emeritus Eddie Fenech Adami u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien ma’ deputati miż-żewg naħat tal-Kamra.

(Ritratt: Kite Group)