Waqt djalogu pubbliku li sar nhar is-Sibt li għadda, il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) kompliet issostni l-pożizzjoni tagħha dwar il-pensjonijiet u saħqet, fost oħrajn, dwar il-ħtieġa li tkun addottata l-Pensjoni tat-Tieni Pilastru.
Id-djalogu pubbliku bit-tema “Għal Sistema ta’ Pensjoni Adekwata” kien organizzat min-Nisa Laburisti u ttella’ fil-Lukanda Plaza, Tas-Sliema nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru. Għal din l-attivita’ ġew mistiedna diversi esperti fis-suġġett kif ukoll rappreżentanti mit-trade unions flimkien ma’ għaqdiet oħrajn bħall-UĦM, il-GWU u l-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.
Il-UĦM kienet rappreżentata minn Therese Galdes Debono, il-President tat-Taqsima Pensjonanti. Hi saħqet dwar il-Pensjoni tat-Tieni Pilastru u staqsiet għaliex din is-sistema, bħala għażla vijabbli biex tissupplimenta d-dħul tal-irtirar u tintuża għal skopijiet ta’ tfaddil, qed tkun imwarrba b’ebda studju dwar l-adekwatezza tagħha. Galdes Debono ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern sabiex tiġi kkunsidrata l-Pensjoni tat-Tieni Pilastru u jsir studju serju dwar il-vijabbilta’ tagħha. Hi staqsiet għaliex il-maġġoranza tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea addottat din is-sistema u Malta għadha le.
Fost l-esperti li tkellmu matul id-djalogu pubbliku kien hemm David Spiteri Gingell, konsulent tal-gvern dwar il-pensjonijiet, li kkritika lil Galdes Debono u b’ton kemmxejn irrabjat, staqsa għaliex il-UĦM qed tibqa’ tinsisti dwar il-Pensjoni tat-Tieni Pilastru Michael Farrugia, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali, qal li l-gvern preċedenti kien se jintroduċiha din it-tip ta’ pensjoni, fl-2004 u kif ukoll fl-2010, u baqgħet ma saritx.
Il-UĦM tirrikonoxxi li saru dawn l-istudji iżda tinnota li baqgħu fuq l-ixkaffa. Din il-union tosserva li m’hemmx rieda politika mill-gvern tal-lum sabiex din it-tip ta’ pensjoni, fl-aħħar mill-aħħar, tkun addottata.
//= $special ?>