Parlament

Fil-Parlament: “Niġi għalik u nifqgħek”

Id-dibattitu parlamentari dwar it-twaqqif tal-Awtorità dwar l-Ambjent illejla ddeġenera f’sensiela ta’ tgħajjir, għajjat, storbju u insulti.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius qal li hu inaċċettabbli li Deputat tal-Kamra jgħid il-kliem “Niġi għalik u nifqgħek” lil Deputat ieħor tal-Kamra. Hu talab ukoll lill-Ispeaker biex jinvestiga dawn l-inċidenti.

Mistoqsi mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li l-inċident kien bejn id-Deputat Laburista Joe Debono Grech u l-eks Deputat Laburista u llum Deputat Indipendenti Marlene Farrugia.

Mitlub mill-Ispeaker biex jispjega, id-Deputat Laburista Luciano Busuttil, li dak il-ħin kien qed imexxi d-dibattitu fil-Kamra, qal li dak il-ħin tal-inċident ma semax id-diskors li kien qed jingħad minħabba l-istorbju.

David Agius qal li l-inċidenti, l-għajjat u l-istorbju huma disgustanti u l-Parlament m’għandux jaċċetta attakk ta’ Membru tal-Gvern fuq Deputat Indipendenti.