L-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit m’għandux il-kredenzjali li jmexxi l-aġenzija li se tkun responsabbli mis-sistema tal-gwardjani lokali.
Fi stqarrija ffirmata mill-Whip tal-Grupp Parlamentari u Kelliema għall-Kunsilli Lokali David Agius, il-Partit Nazzjonalista qal li Ray Zammit kien il-Kummissarju tal-Pulizija li kien involut fil-cover-up tal-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia. L-istess Ray Zammit kien ċċensurat mill-inkjesta indipendenti dwar ir-rabtiet bejn il-familja Zammit u l-familja Gaffarena u kif din ir-rabta setgħet affetwat l-investigazzjonijiet fil-każ tal-qtil ta’ Neville Baldacchino. Issa, fl-aħħar jiem sar magħruf li Ray Zammit ibbenefika minn bidla fil-policy tal-Gvern u ħa tliet plots tal-Gvern fil-Mosta għas-somma miżera ta’ €20,000.
L-istqarrija tkompli li r-rekord negattiv ta’ Ray Zammit juri b’mod ċar kemm hu bniedem li m’għandux jingħata fiduċja iżda Ray Zammit hu ħaġa waħda ma’ Muscat u wisq probabbli għandu iktar saħħa minn Muscat għaliex minkejja dawn l-iskandli kollha, hu jibqa’ jingħata kariga wara l-oħra.
Minbarra l-ħatra ta’ Ray Zammit, il-PN għandu riżervi wkoll għall-fatt li ma saret ebda konsultazzjoni fil-proċess li fih, il-Gvern neħħa l-poter tat-tmexxija tal-gwardjani lokali mill-Kunsilli Lokali u tah lil individwu wieħed. Il-PN esprima wkoll id-diżappunt tiegħu għall-fatt li Owen Bonnici u Stefan Buontempo ma żammewx il-kelma li taw fil-Parlament li jsir it-tibdil miftiehem fid-dibattitu dwar il-liġi – xi ħaġa li ma saritx biex ikun assigurat li l-poter ikun kollu għand Ray Zammit.
L-istqarrija ttemm li fid-dawl ta’ dan kollu, jidher ċar li għal Joseph Muscat, il-Kunsilli Lokali m’huma xejn ħlief għodda politika, tant li wasal biex ikun l-ewwel Prim Ministru li ħassar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Il-PN jinsisti li l-Prim Ministru ibiddel l-aġir fil-konfront tal-Kunsilli Lokali u jagħtihom l-importanza li jixirqilhom.
//= $special ?>