Lokali Parlament

Is-Suq l-Antik tal-Belt se jkun restawrat u żviluppat mill-Grupp Arkadia

L-Oppożizzjoni tawgura li dan il-proġett joħloq il-postijiet tax-xogħol u jkun suċċess

Is-Suq l-Antik tal-Belt se jkun żviluppat fi stabbiliment immexxi mill-Grupp Arkadia u sal-2017 jiftaħ il-bibien tiegħu f’bini restawrat li se jkun qed joffri suq b’numru ta’ stabbilimenti jbiegħu ikel frisk, stabbilimenti fejn il-pubbliku jkun jista’ jixtri u jiekol ikel ibbażat fuq il-kċina Maltija tradizzjonali, u spazju miftuħ għal esebizzjonijiet, kunċerti jew attivitajiet oħrajn diversi.

Dan tħabbar minn uffiċjali għolja tal-Grupp Arkadia fi preżentazzjoni li għamlu lill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li fi tmiem il-preżentazzjoni, approva riżoluzzjoni għat-trasferiment tal-proprjetà tas-Suq l-Antik tal-Belt lill-Grupp Akradia.

Antoine Portelli, Maniġer Ġenerali tal-Arkadia Group, flimkien ma’ Maria Micallef, Chief Operations tal-Grupp, għamel preżentazzjoni dettaljata dwar kif se jkun qed jiġi żviluppat is-Suq l-Antik tal-Belt, fi Triq Merkanti.

Tkellem dwar il-proċess ta’ selezzjoni u qal li f’Marzu tal-2014 il-Gvern kien ħareġ sejħa ta’ interess pubbliku u fit-12 ta’ Ġunju Arkadia kienet fost dawk short listed għall-proġett marbut fuq 65 sena. Il-Grupp se jagħmel investiment kapitali ta’ €9 miljun u titjib kull 20 sena. Il-kera kull sena se tkun ta’ €451,250 li tiżdied kull ħames snin skont ir-rata ta’ inflazzjoni.

Hemm impenn kulturali biex il-bini jkun użat bħala post għal esebizzjonijiet kulturali.

Il-ftehim dwar dan se jkun iffirmat fl-20 ta’ Jannar, bil-proġett jintemm u jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku f’Mejju tal-2017.
Tfisser li kull livell tas-Suq l-Antik tal-Belt se jkun ispirat minn suq ewleini fl-Ewropa. L-ewwel parti tal-proġett se jkun ir-restawr tal-binja. L-ispirazzjoni għas-sular ta’ taħt il-livell tat-triq se jkun ibbażat fuq l-istil tas-suq ta’ Barċellona b’numru ta’ stabbilimenti li jbiegħu ikel frisk.

Is-sular tal-livell tat-triq se jkun żviluppat fuq l-istil tas-suq ta’ San Miguel f’Madrid fejn se jkun hemm stabbilimenti fejn il-pubbliku jkun jista’ jixtri l-ikel u jiekol diversi tipi ta’ ikel varjat iffukat fuq il-kċina Maltija tradizzjonali.

Is-sular ta’ fuq se jkun miftuħ u se joffri spazju fejn jista’ jiġi addattat għal kull attività, u fejn ikun hemm kafetterija u spazju għal esebizzjonijiet u kunċerti jew attiivtajiet oħrajn.

Il-kunċett hu purament disinjat mill-Arkadia, bil-periti Philip Micallef u Joe Cassar. Wara li nħarġet sejħa internazzjonali għad-dehra ħolisitka, il-Grupp Arkadia għażel kumpanija Taljana, Arcea, li ħadet ħsieb ir-restawr u l-iżvilupp tal- Mercato di San Lorenzo, f’Firenza,

Dwar dan it-trasferiment tal-proprjetà, id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech qal li l-Oppożizzjoni tara l-utilità tal-proġett u tawgura li dan joħloq il-postijiet tax-xogħol u jkun suċċess.