Lokali

Titħabbar il-mewt tal-eks Ministru Joseph Spiteri

Dalgħodu tħabbret il-mewt tan-Nutar Joseph Spiteri fl-eta’ ta’ 95 sena. In-Nutar Spiteri kien Ministru u Membru Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista għal diversi snin.

In-Nutar Spiteri kien membru fil-kabinett tal-Prim Ministru Gorg Borg Olivier meta pajjiżna kiseb l-indipendenza. Tul is-snin serva bħala Ministru tal-Agrikultura, tal-Industrija u l-Kummerċ u tax-Xogħolijiet u l-Housing sabiex b’hekk il-karriera Ministerjali tan-Nutar Spiteri estendiet mill-1962 sa’ l-1971.

Huwa serva bħala membru parlamentari bejn l-1955 u 1971.

L-isem tan-Nutar Joseph Spiteri huwa marbut sew mal-lokalita’ tan-Naxxar. Huwa marbut ukoll mal-lokalita’ ta’ Ħal Balzan tant li s-Sindku attwali ta’ Ħal Balzan in-Nutar Ian Spiteri jiġi n-neputi tal-eks Ministru in-Nutar Joseph Spiteri.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-eks Ministru Nazzjonalista Ġużi Spiteri. Il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Spiteri f’dan il-mument diffiċli.

Stqarrija oħra ta’sogħba llum saret mill-Kulleġġ ta’ l-Ex-Parlamentari u Ex-Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista li selmu l-memorja tan-Nutar Spiteri u ddeskrivewh bħala politiku rispettat u ammirat għall-integrita’ u onesta’ tiegħu fil-ħajja pubblika.