Futbol Lokali Sport

Football Festival organizzat minn Luqa St Andrew’s FC b’risq “Alive 2016”

Luqa St Andrew’s FC se jkunu qed jorganizzaw U7-U8 Football Festival il-Ħadd li ġej, 21 ta’ Frar, biex jinġabru fondi b’risq “Alive 2016″ favur ir-riċerka dwar il-kanċer fost it-tfal.

Il-Festival se jinkludi tfal li twieldu fl-2008 u fl-2009 bil-parteċipazzjoni wkoll tan-Nurseries ta’ Marsaxlokk FC, Melita FC, Sirens FC u Żejtun Corinthians FC, li laqgħu l-istedina ta’ Luqa St Andrew’s FC.

Il-Festival se jsir bejn it-8am u n-12.30pm fil-Luqa St Andrew’s FC Ground fir-Residenza San Vinċenz de Paule, fejn se jkunu qed jintlaqgħu wkoll donazzjonijiet filwaqt li se jkun hemm ikel u xorb għall-bejgħ. Il-qliegħ minn dan ukoll se jmur għall-istess għan.

Il-plejers kollha ta’ Luqa St Andrew’s FC, mit-tim tal-kbar sal-iżgħar kategorija fin-Nursery, taw id-donazzjoni tagħhom, li se tkun ippreżentata liċ-ċiklist Daniel Portelli, li se jkun wieħed mill-45 ċiklist li se jieħdu sehem f'”Alive 2016”. Ir-rotta ta’ din is-sena se tkun twila 1,000km mifruxa fuq sebat ijiem, bejn is-7 u 16 ta’ Lulju, u se tibda mill-Kroazja sal-Vatikan f’Ruma.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ jagħti d-donazzjoni tiegħu waqt il-Festival għal din il-kawża ġusta.