Lokali

‘Figolla Challenge 2016’ b’risq Puttinu Cares

Għall-ħames sena konsekuttiva l-istudenti tal-iskola sekondarja San Nikola fin-Naxxar qed jippreparaw bla heda għall-Figolla Challenge, biex bil-flus miġbura jgħinu lil Puttinu Cares.

Fl-aħħar ħames snin, l-istudenti ġabru iktar minn €10,000 bħala parti minn din l-inizjattiva, li tixhed il-motto li jużaw l-istudenti, li huma parti minn skola żgħira b’qalb kbira.

Kif jispjega s-surmast tal-iskola, Steve Mifsud, din l-isfida hi wkoll opportunita’ biex l-istudenti jakkwistaw valuri tant importanti għall-ħajja.

Tkellima wkoll ma’ wħud mill-istudenti, li jagħmlu l-appell tagħhom biex kemm jista’ jkun persuni jixtru dawn il-figolli.

L-istudenti se jbiegħu dawn il-figolli lill-pubbliku f’attivita’ li se ssir nhar l-Erbgħa li ġej, mit-tmienja u nofs ta’ filgħodu ‘l quddiem fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-flus imorru biex jgħinu lil Puttinu Cares fix-xewqa li jinbnew iżjed appartamenti f’Sutton, hekk kif dawk preżenti huma mimlija u qed jinkrew oħrajn.