Lokali

FILMAT: Kliem ta’ kuraġġ minn Noel – li f’siġġu tar-roti għamel il-mixja ta’ Puttinu

B’kuraġġ, Noel Caccattiolo ta’ 58 sena għamel il-mixja tal-Ġimgħa l-Kbira b’risq Puttinu. Kien tlett snin ilu meta lil Noel qatgħulu saqajh, iżda llum, tlett snin wara, jipparteċipa fil-maratoni u l-mixjiet li jsiru fuq bażi regolari.

Ma’ NETnews.com.mt, Noel kellu kliem ta’ kuraġġ għal min bħalu jinsab f’siġġu tar-roti u forsi qed jaqta’ qalbu minħabba l-kundizzjoni tiegħu.

Il-mixja, bħal ħajja, kienet mimlija tlajja u nżul: “kien hemm mumenti diffiċli, imma trid twarrab dawk il-mumenti u tkompli sejjer sa’ tmiem it-tellieqa… wara kollox għal Puttinu!” qalilna Noel.

“Kont konvint li nagħmel il-mixja għal Puttinu” qalilna Noel, li ftit ġimgħat ilu għamel ukoll il-Maratona ta’ Malta.

F’Ħamis ix-Xirka, Noel kien wieħed mit-tnax-il Appostlu li l-Arċisqof Charles Scicluna ħaslilhom saqajhom b’mod simboliku. “Kont mort quddiesa u inzertajt lill-Arċisqof għaddej” spjegalna Noel, “kif rani awgurali għall-Maratona li kont għamilt u jien dak il-ħin tlabtu biex jagħmilli pjaċir żgħir – għidtlu biex inkun wieħed mid-dixxipli tiegħu. U qalli iva!”

Ma’ NETnews.com.mt, Noel iddeskriva l-mixja b’risq Puttinu bħala esperjenza “inkredibbli” u ħeġġeġ lil min hu f’siġġu tar-roti biex ma jaqtax qalbu.

“Il-mixja, bħal ħajja hi sfida, li trid tegħleb. A struggle to the end” temm jgħid Noel.