L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta, l-MPA, fi stqarrija spjegat li rabja kbira qiegħda tiddomina l-Korp tal-Pulizija hekk kif filwaqt illi l-membri tal-Korp mill-grad ta’ kuntistabbli sa surġent maġġur tħallsu dak li kien ħaqqhom għall-ħidma tagħhom waqt il-Valletta Summit 2015 u waqt ic-CHOGM, l-fizzjali baqgħu ma ħadu xejn tas-siegħat twal zejda li gew mġiegħla ħadmu.
L-MPA spejgat li saħansitra għandha korrespondenza mal-ministeru u mat-‘task force’ illi tixhed li l-affarijiet fil-fatt kienu ser ikunu xort’ oħra, liema korrespondenza baqgħat għaddejja sa ftit ġranet ilu. Izda minkejja dan, issa li għadda kollox irrizulta li dan kollu ma kien xejn ħlief qerq bil-fizzjali kompliet tispjega l-istqarrija. Meta waqt laqgħa ricenti l-Ministru Carmelo Abela ġie mistoqsi dwar din il-manuvra, huwa wieġeb illi t-‘task force’ inkarigata mill-attivitajiet msemmija ma kenitx taqa’ taħt ir-responsabilta’ tieghu iżda taħt l-Uffiċju tal-Prim-Ministru, u ta x’wieħed jiefhem li din mhux deċizjoni li huwa ħa waħdu.
L-MPA qalet li għalhekk, skond il-Gvern u issa anke l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, dawk il-fizzjali li ġew mġiegħla jaħdmu anke saħansitra aktar minn 150 siegħa fuq il-ħin regolari tax-xogħol, għandhom jitħallsu biss “disturbance allowance” li l-massimu tiegħu huwa ta’ 10% tas-salarju bażiku, bir-riżultat li l-massimu f’xahar fil-fatt ilaħħaq madwar mija u sebgħin ewro. Dan jikkontrasta bil-kbir meta wieħed jikkonsidra li hemm fizzjali tal-Korp tal-Pulizija li għax-xogħol li ħadmu ‘suppost’ għandhom jieħdu madwar €2,000 u anke aktar tkompli tgħid l-istess stqarrija.
Biex jitkompla jinxteħet il-melħ fuq din il-ġerħa, tgħid l-MPA, mal-istess ħlas tal-paga ta’ dan ix-xahar, fejn sar il-ħlas dovut lill-kumplament tal-membri tal-Korp għas-sahra waqt dawn l-avvenimenti , għal xi raġuni ma sarx il-ħlas tal-allowances tal-Ħdud u festi.
Żgur li dawn il-manuvri qegħdin ikomplu jikkontribwixxu sabiex il-moral tal-membri tal-Korp tal-Pulizija jibqa’ ankrat fil-qiegħ tispjega l-Assoċazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta.
L-MPA qalet li ġejja min fejn ġejja din l-anomalija, dan l-abbuz irid jieqaf darba għal dejjem. L-assoċazzjoni spjegat li din mhiex kwistjoni ta’ “disturbance”, iżda kwistjoni li wieħed ġie mġiegħel u obbligat jirraporta għax-xogħol għal dan il-ħin żejjed. Il-membri tal-Korp, mingħajr ebda bażi legali, qed jiġu mċaħħda kemm mid-dritt ċivili li kull xogħol ħaqqu ħlasu kif ukoll milli jgawdu l-istess drittijiet u benefiċċji taħt il-Public Service Management Code bħal kumplament tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku.
Għaldaqstant l-MPA, wara bosta twissijiet li għamlet, ser tibda l-proċess ta’ konsultazzjoni legali sabiex tfittex u tirrikorri għar-rimedji legali ttemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>