Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Impenn minn tliet Kunsilli Lokali biex isalvaw Wied Għomor

Tliet Kunsilli Lokali ngħaqdu flimkien biex isalvaw Wied Ghomor, il-ftit art li fadal bħala pulmun fiċ-ċentru ta’ Malta.

Il-Kunsilli Lokali tas-Swieqi, ta’ San Ġwann u ta’ San Ġiljan ingħaqdu f’appell wieħed lill-MEPA biex jitwaqqaf l-iżvilupp propost f’dan il-wied, fejn wieħed faċli jinnota li l-bini qed jifga din l-art ODZ.

Il-proġett propost biex jinbena f’Wied Għomor hu kumpless residenzjali għall-anzjani, li jinkludi 133 kamra fuq ammont ta’ sulari, li tnejn minnhom huma fuq l-art. Il-proposta hi li dan kollu jinbena f’barriera abbandunata.

Flimkien mal-Kunsilli Lokali, il-ġimgħa li għaddiet kien organizzat seminar bit-tema “Insalvaw Wied Għomor”, bil-partecipazzjoni tar-residenti. Ipparteċipaw ukoll diversi għaqdiet, fosthom Front Ħarsien ODZ, l-FKNK, il-Kaċċaturi San Umbertu, Nature Trust, Wirt San Ġwann, Bdiewa ta’ Wied Għomor u Din l-Art Ħelwa.

Flimkien mal-għaqdiet u r-residenti, ilbieraħ waranofsinhar il-Kunsilli nġabru flimkien f’Wied Għomor biex iqajjmu kuxjenza dwar l-importanza ta’ dawn l-ispazji pubbliċi. F’sens ta’ protesta silenzjuża, it-tliet Sindki ħawwlu tliet siġar mogħtija mill-FKNK. Dan hekk kif id-deċiżjoni dwar il-proġett propost mistennija tittieħed fil-5 ta’ Mejju li ġej.