Minkejja li forsi wieħed seta’ żar Għar Dalam, hu probabbli li ma kellux l-okkażjoni jagħmel dan waqt lejl ta’ qamar kwinta. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, Heritage Malta se terġa’ torganizza din l-attività, li permezz tagħha dawk li jattendu se jkollhom l-opportunità jżuru Għar Dalam bil-lejl.
L-attivita’, li se ssir is-Sibt li ġej u tibda fis-7.30pm, se tkun tikkonsisti fi preżentazzjonijiet mill-Kuratur anzjan John J. Borg u mis-Site Executive Paul Portelli segwiti minn dawra mal-Għar u l-ambjent ta’ madwaru taħt id-dawl ta’ qamar kwinta.
Ir-relevanza ta’ Għar Dalam bħala sit preistoriku ġie skopert fit-tieni nofs tas-seklu 19 permezz ta’ serje ta’ skavi li kixfu għadam ta’ annimali, kif ukoll fdalijiet umani u bosta oġġetti. Is-sit hu ta’ importanza kbira minħabba l-valur tiegħu fl-oqsma tal-palaeontoloġija, arkeoloġija u ekoloġija.
L-istorja tal-għar u tal-gżejjer Maltin tinsab fl-istatigrafija ta’ Għar Dalam innifsu. L-aktar saffi fil-fond, fil-fatt, għandhom aktar minn nofs miljun sena u fihom insibu fossili ta’ għadam ta’ ljunfanti żgħar, ipoppotami, mammali żgħar u għasafar, fost oħrajn. Fuq dan is-saff insibu saff taċ-ċagħaq, li fuqu mbagħad insibu s-saff hekk imsejjaħ taċ-ċriev minn madwar 18,000 sena ilu.
Is-saff ta’ fuq, magħruf ukoll bħala “is-saff kulturali” għandu anqas minn 10,000 sena u jiġbor fih evidenza tal-ewwel bnedmin li kienu jgħixu fuq il-gżejjer Maltin. Kien propju hawn li ġiet skoperta l-ewwel preżenza umana f’Malta, li tmur lura 7,400 sena.
Is-sit innifsu jikkonsisti f’għar, wirja permanenti fl-istil Vittorjan, kif ukoll ġnien b’diversi pjanti u siġar indiġeni.
Il-biljetti, għall-prezz ta’ €12 għall-adulti, €10 għall-anzjani, studenti, membri ta’ Heritage Malta u għat-tfal taħt it-12-il sena, jistgħu jinkisbu mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta, kif ukoll online minn http://shop.heritagemalta.org.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq 21657419 jew iżur il-paġna uffiċjali ta’ Heritage Malta fuq Facebook.
//= $special ?>