Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Joe Vella Bonnici, stqarr li ma ġiex ippreparat biex jagħti x-xhieda tiegħu dwar każ partikolari ta’ persuna li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija u li ngħatat id-dritt tal-vot.
Joe Vella Bonnici intalab jixhed fir-rikors kontra Ezrilevna Kon Lyubov sabiex din tinqata’ mir-Reġistru Elettorali imressaq minn Matthew Mangion f’isem il-Partit Nazzjonalista. L-Avukat Paul Borg Olivier, qal li d-dokumenti relatati mal-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza huma meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti l-kriterji ta’ residenza li jridu jintlaħqu sabiex wieħed jingħata d-dritt tal-vot. Iċ-ċittadinanza Maltija ingħatat fis-27 ta’ Mejju 2015 u l-applikazzjoni għad-dritt tal-vot saret fl-istess jum. Għaldaqstant, kompla Borg Olivier, wieħed irid imur qabel l-għotja taċ-ċittadinanza biex toħroġ il-prova li l-applikant kien jgħix Malta għal sitt xhur f’dawn l-aħħar 18-il xahar.
Dan fid-dawl tax-xhieda tal-Ispettur Frank Sammut mis-sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija li stqarr li l-Pulizija m’għandha ebda informazzjoni ta’ meta Lyubov daħlet u ħarġet minn Malta. Hu spjega li din tista’ tfisser żewġ affarijiet, jew li l-persuna qatt ma ġiet Malta jew daħlet Malta minn pajjiż fiż-żona Schengen.
Il-Qorti,ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, idderiġiet lil Vella Bonnici sabiex iġib id-dokumentazzjoni meħtieġa li jistabilixxu l-istatus ta’ residenza ta’ Lyubov.
Il-Kummissjoni Elettorali biddlet il-proċeduri wara li feġġew dawn il-każi
Iktar kmieni xehed il-Kummissarju Elettorali Ewlieni Joseph Church li kkonferma li l-prassi fil-passat kienet li kulmin japplika biex ikun inkluż fir-Reġistru Elettorali ikun approvat. Church qal li dan ma kienx aċċettabbli u ta struzzjonijiet biex il-Uffiċċju Elettorali li f’każ ta’ dubju, isiru l-verifiki meħtieġa. Mistoqsi mill-Avukat Borg Olivier, Joseph Church ikkonferma li sa Frar 2014, il-Karti tal-Identita’ kienu jinħarġu mill-istess Uffiċċju Elettorali. Minn Frar 2014, l-informazzjoni kollha m’għadhiex f’idejn l-Uffiċċju Elettorali u iżda għand l-Identity Management Office f’Identity Malta.
Is-Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali George Saliba xehed li Ezrilevna Kon Lyubov iddikjarat li għexet 6 xhur minn dawn l-aħħar 18-il xahar f’Malta. Hu kkonferma li ma kienx hemm dati ta’ tluq u wasliet f’Malta fl-applikazzjoni u ma sarux verifiki għaliex il-policy sa ftit ilu kienet li joqogħdu biss fuq id-dikjarazzjoni. Hu wkoll ikkonferma li mill-ħruġ tar-Reġistru Elettorali ta’ April inbidlet il-policy u qed isiru verifiki iktar dettaljati.
L-Avukat Paul Borg Olivier deher għan-nom tal-Partit Nazzjoanlista. Il-Professur Ian Refalo qed jidher għall-Kummissjoni Elettorali u l-Avukat Pawlu Lia qed jidher f’isem Identity Malta. Il-każ ġie differit għat-12 ta’ Settembru.
//= $special ?>