Lokali Qorti

“Match-fixing” fil-logħba tat-tim nazzjonali tal-U-21: kontroeżami jaħraq ta’ plejer involut

“Ma niftakarx” kienet l-iktar risposta komuni li nstemgħet minn xhud fil-Qorti hekk kif dalgħodu kompla jinstema’ l-każ kontra Ronnie Mackay li jinsab akkużat li kien il-moħħ wara tentattiv ta’ “match fixing” fil-logħba tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kontra l-Montenegro f’Marzu li għadda.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, id-difiża ta’ Mackay għamlet il-kontroeżami tax-xhud ewlieni Seyble Zammit. Iktar kmieni din is-sena, Zammit kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih iżda ma ngħatax piena wara li aċċetta li jikkollabora mal-pulizija. Żewġ players oħra, Kyle Cesare u Manuel Briffa, kienu liberati mill-akkużi b’rabta mal-istess każ.

Fix-xhieda tiegħu, Seyble Zammit qal li kien l-akkużat Mackay li avviċinah u li ma kienx jafu sew qabel seħħ dan l-episodju. Hu qal li Mackay kien kellmu fuq it-telefon ċellulari tiegħu iżda tenna li qatt ma tah in-numru.

Waqt il-kontroeżami mill-Avukat Ġiannella de Marco, Zammit qal li hu kien avviċina numru ta’ plejers u qallhom li kien hemm xi ħadd li ried jirranġa l-logħba. Id-Difiża ikkwotat mill-istqarrija ta’ Luke Montebello – plejer ieħor – li qal li kien avviċinat minn Zammit u li ltaqa’ miegħu f’karozza flimkien ma’ Kyle Cesare u li qallhom biex jirranġaw il-logħba. Montebello qal li m’aċċettax u ħareġ mill-karozza. Mistoqsi jekk dan hux minnu, Seyble Zammit wieġeb li Monetebello ma tahx ċans jitkellem wisq għax qabad u ħareġ mill-karozza.

Giannella de Marco kompliet li fix-xhieda tiegħu, Montebello qal li Zammit kien offra bejn €2,500 u €3,000 u li ma semma xejn dwar laqgħat ma’ ħaddieħor. Ikkonfrontat minn din ix-xhieda, Seyble Zammit qal li ma jiftakarx u qal li jiftakar biss jgħid li ried lil Luke Montebello jiltaqa’ mal-akkużat Mackay.

Mistoqsi ma’ kemm iltaqa’ ma’ plejers, Zammit qal li ma jistax jiftakar kemm. Meta mistoqsi jekk sena qabel, għamilx xi offerta simili lil plejers oħrajn, Seyble Zammit qal li d-Difiża żbaljat, fost l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.

Dwar laqgħa oħra, din id-darba ma’ Kyle Cesare, Zammit qal li hu daħal fil-karozza ta’ Cesare f’tal-Pieta’ u stennew lill-akkużat Ronnie Mackay u raġel ta’ nisel Asjatiku. Filwaqt li qal li l-konverżazzjoni damet madwar ħames minuti, Seyble Zammit qal li kulma ntqal kien “ok” u “confirmed”, bir-raġel Asjatiku jitlaq mill-post.

Mistoqsi mill-ġdid x’intqal iktar meta jitqies li d-diskursata damet madwar ħames minuti, ix-xhud reġa wieġeb “ma niftakarx”

L-Avukat Gianluca Caruana Curran deher ukoll għall-akkużat.