Futbol Sport

Charlie Williams…il-Malti li għamel karriera professjonali fil-futbol fl-iStati Uniti

Charles Williams, li llum għandu 72 sena, hu wieħed mill-plejers Maltin fl-istorja li rnexxilu jilgħab futbol professjonali lilhin minn xtutna, preċiżament fl-iStati Uniti ma’ Pittsburgh Phantoms, fin-North American Professional League. Wara din l-esperjenza, li oriġinarjament kellha tkun ta’ sitt xhur biss, Williams kien kapaċi jiffirma kuntratti oħra ma’ San Diego Toros, Dallas Tornado, Rochester Lancers, Syracuse Scorpions, Syracuse Suns u Boston Astros. Wara li rtira mill-futbol bħala plejer, Williams fetaħ l-iskola tiegħu tal-futbol fl-iStati Uniti u fl-1995 kien saħansitra vvutat l-aqwa kowċ fl-iStat ta’ New York. Hu rritorna jgħix Malta sitt snin ilu wara 43 sena jgħix fl-iStati Uniti.

Williams hu eks plejer ta’ Valletta fejn magħhom rebaħ kull unur. Ma’ Malta lagħab xejn inqas minn erba’ darbiet. Bla dubju, l-istorja ta’ Williams lilhin minn xtutna hija fost l-aktar waħda interessanti; konferma tal-perseveranza u l-insistenza li plejer Malti għandu jkollu biex jilħaq l-għanijiet tiegħu fil-futbol.

Il-ġurnalist sportiv Christian Micallef iltaqa’ ma’ Williams fl-istabbiliment popolari fil-Qawra, Cheeky Monkey Gastropub fejn tkelmu dwar diversi temi interessanti f’intervista għall-programm Replay Preview, li jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa fid-9pm fuq Net Television.

Kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija, waqt il-programm Replay Preview qed ikun hemm intervisti ta’ dawn it-tip fir-rokna ‘X’Sar Minnhom?’. Aktar intervisti li saru fil-programmi preċidenti tistgħu terġgħu ssegwuhom permezz tal-paġna ta’ Replay fuq Facebook. Il-programm Replay Preview jitwassal bl-appoġġ ta’ numru ta’ sponsors li huma: Videoslots.com, Cheeky Monkey Gastropub tal-Qawra, Konica Minolta, Lannutti u Jet Freight, Weetabix Protein, Malta Football Players Association, Optica u Dizz Group of Companies.