Lokali

Manipulazzjoni ukoll fil-filmati tal-aħbarijiet tal-PBS

Il-folla li attendiet għall-attività tal-PN f'Tas-Sliema (xellug) u l-filmati mibgħuta mis-Super One lill-PBS biex ikunu manipulati l-aħbarijiet tal-PBS (lemin)

Indħil dirett fil-PBS wassal biex riċentament kien hemm każ ieħor ta’ manipulazzjoni fl-aħbarijiet tal-PBS. Il-każ li qed jiġi żvelat minn In-Nazzjon dalgħodu jirrigwardja numru ta’ servizzi tal-aħbarijiet li xxandru fuq l-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali ta’ nhar il-Ħadd li għadda u li fihom ġew irrappurtati l-attivitajiet politiċi tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista f’Tas-Sliema u f’Raħal Ġdid rispettivament.

In-Nazzjon tista’ tiżvela li wara l-attendenza ta’ eluf ta’ persuni fl-attività politika tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema, ingħataw struzzjonijiet minn membru tal-bord tal-PBS biex is-servizz tal-aħbarijiet dwar l-attività politika Laburista f’Raħal Ġdid jinbidel apposta b’mod li jinkludi filmati tan-nies li nġabru barra l-każin. Fl-istess waqt, ma xxandrux filmati simili tal-folol ferm akbar li attendew għall-attività f’Tas-Sliema.

Normalment u ġeneralment, waqt l-attivitajiet politiċi ta’ kull nhar ta’ Ħadd, ikunu ffilmjati l-mexxejja tal-partiti politiċi u n-nies ta’ madwarhom. Normalment, il-folol ma jkunux iffilmjati. Filfatt, nhar il-Ħadd li għadda, waqt l-aħbarijiet tas-sitta’ ta’ filgħaxija tal-PBS, kemm is-servizz tal-aħbarijiet dwar l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista xxandru mingħajr filmati tal-folol rispettivi.

Madanakollu, fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-tmienja, saru tibdiliet biex is-servizz tal-aħbrijiet dwar l-attività Laburista ġie jinkludi n-nies li nġabru barra l-każin ta’ Raħal Ġdid. Fl-istess waqt, ma sar l-ebda tibdil biex is-servizz dwar l-attività f’Tas-Sliema jkun emendat b’mod li jidhru filmati tal-folol ferm akbar li nġabru ħdejn il-Fortizza.

Involut ukoll il-Kap tal-Aħbarijiet tal-media Laburista

It-tibdil sar fuq struzzjonijiet minn wieħed mill-membri tal-bord tal-PBS, f’każ ta’ manipulazzjoni tal-aħbarijiet tal-istat li fih hemm involut ukoll il-Kap tal-Aħbarijiet tal-media Laburista Aleander Balzan. Filfatt, jirriżulta li kien il-Kap tal-Aħbarijiet tal-media Laburista li bagħat il-filmati li l-PBS kellu bżonn biex jimmanipula l-aħbarijiet.

Peress li normalment ma jiġux iffilmjati n-nies li jinġabru barra l-każini waqt l-attivitajiet politiċi, il-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS immexxija minn Reno Bugeja kellha ddur fuq il-kamra tal-aħbarijiet Laburista mmexxija minn Aleander Balzan biex jintbgħatu l-filmati tan-nies li nġabru barra l-każin Laburista f’Raħal Ġdid nhar il-Ħadd li għadda.

In-Nazzjon qed jippubblika ritratt meħud mill-‘wetransfer’ – servizz online li bih wieħed jista’ jibgħat filmati lill-oħrajn. B’dan is-servizz, Balzan bagħat il-filmati li l-PBS kellhom bżonn biex jimmanipulaw l-aħbarijiet b’mod li jiffavorixxu lill-Partit Laburista.

Din m’hijiex l-ewwel dabra li fl-aħbarijiet tal-PBS kien hemm indħil, saħansitra indħil dirett minn Kastilja. F’Diċembru 2015, il-gazzetta il-mument kienet ippubblikat e-mail li fiha, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, jagħti struzzjonijiet lill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja mhux biss dwar il-kontenut tal-aħbarijiet imma saħansitra t-titli tal-istejjer u fejn għandhom jixxandru l-ewwel.