Lokali Parlament Qorti

Il-Qorti se jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi l-pieni f’inċidenti tat-traffiku

Il-Ministru Owen Bonnici qal, li wara l-każ ta' Dorianne Camilleri li weħlet multa u 5 snin ħabs, il-Gvern se jemenda l-liġi.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li wara l-każ ta’ Dorianne Camilleri, li kienet kundannata ħames snin ħabs fuq qtil involontarju ta’ persuna u ferita gravi fuq persuna oħra f’inċident tat-traffiku, il-Gvern se jressaq emenda biex tkun il-Qorti li tiddeċiedi l-massimu tal-piena li timponi u mhux bilfors trid titmponi piena ta’ ‘l fuq minn ħames snin.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar emendi għal-liġi tat-traffiku, il-Ministru Bonnici semma l-każ ta’ Dorianne Camilleri u qal li mhux se jgħaddi ġudizzju dwar il-każ iżda l-liġi tgħid li l-inqas piena ta’ ħabs tkun ta’ ħames snin ħabs jekk imut jew iweġġa’ xi ħadd f’inċident tat-traffiku. Hu qal li l-miminu ta’ ħames snin ħabs hu ħażin, u għalhekk se titressaq emenda biex il-minimu ta’ ħames snin jinteħħa u jkunu l-qrati li jiddeċiedu l-pieni. Il-massimu għandu jkun ta’ 10 snin ħabs f’inċidenti li fihom iweġġgħu jew imutu żewġ persuni.

Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar l-inċident tat-traffiku li hu kien involut fih u qal li jiddispjaċih għall-persuna li kien involut fl-iniċident tat-traffiku imsemmi iżda dan kien inċident sfortunat. Hu spjega li dakinhar hu kien ħiereġ mill-mina ta’ Santa Venera fejn kien hemm vettura wieqfa fil-ġenb, hu ma rahiex u baqa’ dieħel ġo fiha. Dan kien inċident sfortunat, sostna l-Ministru Bonnici, li qal li f’inċidenti involontarji għandha tkun il-Qorti li timponi massimu jew minimu kif tħoss hi.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan l-abbozz għandu l-għan li jsaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u sostna li mhux dejjem hemm rabta bejn sewqan b’attenzjoni l-attenzjoni effettiva fit-toroq. Hu qal li mhux aċċettabbli li jsiru inċidenti minħabba x-xorb għalkemm hemm l-inċidenti sfortunati li ma jistax ikun hemm kontroll fuqhom. Hu semma l-Milied u qal li fl-aħħar Milied il-Pulizija għamlet iktar road-blocks u iktar infurzar. Din hi xi ħaġa pożittiva ħafna fejn il-Pulizija qamu għall-okkażjoni u għamlu differenza.

Il-Ministru Bonnici tratta l-emendi għal-liġi fejn il-piena għal sewqan bla liċenzja u l-użu ta’ numri li mhux tal-vettura se jgħolew bil-Qorti tista’ twaħħal sospensjoni tal-liċenzja jew le. Riforma kontroversjali hi li l-wardens se jkollhom rwol ta’ asistenti għall-Pulizija meta jkun hemm infrazzjonijiet ta’ sewqan bix-xorb.

F’dawn il-każi jekk wardens jara xufier xurban ikun jista’ jwaqqfu sakemm isejjaħ lill-Pulizija. Il-wardens mhux se jarrestaw lin-nies jew jieħdu ħsieb il-każi totalment. Il-pieni għal sewqan taħt influwenza ta’ xorb jew droga se jgħolew u l-Qorti tista’ tqiegħed lill-ħati taħt probation u li jattendi programm ta’ ribialitazzjoni flimkien ma’ ordni ta’ servizz fil-komunità.

Se tiddaħħal sistema ġdida dwar limiti ta’ xorb fuq livell tal-UE għaliex is-sistema Maltija hi l-aktar waħda laxka. Se jkun hemm distinzjoni bejn xufiera ordinarji u x-xufiera li jsuqu fuq xogħol bħax-xufiera tal-vetturi li jġorru lit-tfal tal-iskola; f’dawn il-każi x-xufier ma jistgħu jixobru xejn minħabba r-responabbiltà enormi li jkollhom dawn il-persuni. Se jinbidlu r-regoli tal-liċenzji tas-sewqan biex is-sistema tal-punti tkun estiża għax-xuifera kollha. Kull sewwieq li fi 12-il xahar jeħel 12-il punt ikollu l-liċenzja tiegħu revokata.

Il-Ministru Bonnici kompla li mhux kull reat iwassal għat-tnaqqis tal-punti għaliex il-punti huma kontravenzjonijiet serji fejn ikun hemm riskju li jweġgħu n-nies. F’għeluq is-sena l-punti jispiċċaw. Min jgħaqqad it-12-il punt ikun jista’ jieħu l-liċenzja b’mod faċli wara ftit żmien iżda jekk din terġa’ tittħed tkun iktar diffiċli waqt li mar-raba’ teħid tal-liċenzja se tkun il-Qorti li trid tagħti l-liċenzja lura lix-xufier. Ix-xufiera li jattendu kors tal-Awtorità tat-Trasport, ix-xufiera jkunu jistgħu jeħilsu mill-punti.

Il-Ministru Bonnici qal li fis-seduta tat-traffiku sempliċi jinqatgħu tliet sentenzi kuljum fejn fl-2015 ingħataw 1,024 sentenza. Il-Gvern se jdaħħal ukoll is-sistema ta’ warning ticket mill-wardens.

Il-Partit Nazzjonalista, kif sostna d-Deputat Antoine Borg ilbieraħ filgħaxija, jaqbel mal-bidla fil-liġi kriminali dwar is-sentenzi f’każijiet ta’ qtil involontarju.

Kif sostna Antoine Borg ilbieraħ filgħaxija fil-Parlament, din il-liġi ma tagħmilx sens għaliex torbot id il-Maġistrati b’sentenzi ta’ priġunerija. Dan hu pass tajjeb li l-Partit Nazzjonalista jaqbel miegħu u jappoġġjah.

Filwaqt li s-sentenzi għal kriminali għandhom ikunu ħorox, u filwaqt li wieħed jifhem il-weġgħat tal-qraba tal-vittmi, hemm persuni sfortunati u innoċenti li huma wkoll ikunu spiċċaw vittmi ta’ ċirkustani.