Lokali

Muscat jerġa’ jinqabad jigdeb

Il-Prim Ministru reġa’ nqabad jigdeb, din id-darba dwar is-suppost ‘audits’ tal-kumpaniji sigrieti taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonlista qal li għal darb’oħra, Muscat reġa’ nqabad jigdeb – din id-darba dwar is-suppost ‘audits’ tal-kumpaniji sigrieti taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.​

Kif żvelat The Malta Independent, l-audit ta’ Konrad Mizzi ilu lest mill-21 ta’ Settembru li għadda, iġifieri ħames xhur ilu. Muscat, iżda, żammu moħbi sa’ jumejn ilu, meta f’Malta, kien hawn il-Kumitat tal-PANA jinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista insista li agħar minn hekk, Joseph Muscat kien gideb lill-poplu Malti u Għawdxi meta fis-7 ta’ Ottubru li għadda, jiġifieri wara li kellu l-audit f’idejh, kien qal li għadu “works in progress”. Dan minkejja li diġà kellu l-‘audit’ f’idejh.

Din hi biss l-aħħar minn sensiela ta’ gideb tal-Prim Ministru biex jiddefendi l-korruzzjoni li fniet Kastilja. Minkejja kull audit li ġie ppreżentat, għall-poplu Malti u Għawdxi, ebda audit mhi se tieħu post l-investigazzjoni tal-Pulizija u tal-FIAU. Dan aktar u aktar meta l-membri tal-Kumitat tal-PANA, nkluż iċ-Chairman ta’ dan il-Kumitat, qed jinsistu li dan hu każ ta’ ħasil ta’ flus, li jġorr miegħu piena massima ta’ 18-il sena ħabs.