Lokali

FILMAT: Nipprovaw nistaqsu lill-Kummissarju; ara x’ġara barra d-Depot

Kien fid-Depot, imma ma setax ikellimna "għax bil-leave"; tellgħuna ħdejn l-Uffiċju tal-Kummissarju għal appuntament imma bagħatuna lura b'garanzija li jagħmlulna appuntament mal-Kummissarju

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma setax iwieġeb mistoqsijiet ta’ NET News għax “kien bil-leave”. U dan minkejja informazzjoni li l-Kummissarju filfatt kien fid-Depot meta morna nfittxuh għal intervista.

NET News mar id-Depot biex jitlob kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija dwar ir-rapport tal-FIAU (l-aġenzija Maltija ta’ kontra l-ħasil tal-flus) li investiga l-iskandlu tal-Panama u l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schemrbi.

Meta konna ġod-Depot, tlabna li niltaqgħu mal-Kummissarju biex nistaqsuh dwar il-mod kif ir-rapport tal-FIAU tħalla fuq l-ixkaffa. Lill-uffiċjal ta’ mal-bieb tlabnieh jiċċekkja jekk stajniex niltaqgħu mal-Kummissarju tal-Pulizija biex nagħmlulu intervista. L-istess uffiċjal talabna nistennew fil-kamra tal-istennija sakemm aktar tard irċieva telefonata minn fuq biex nitilgħu.

Għalkemm assumejna li konna se nitilgħu fuq biex ningħataw kumment irrekkordjat, kif tlabna, appena tlajna fuq, iltqajna ma’ uffiċjal oħra li infurmatna li l-Kummissarju ma kienx disponibbli. L-istess uffiċjal talbitna nħallu n-numru tat-telefon tagħna biex isir kuntatt magħna dwar appuntament mal-Kummissarju. NET News insista li jieħu l-kummenti tal-Kummissarju, madanakollu ġejna infurmati li dan ma kienx possibbli u li konna se nirċievu telefonata dwar appuntament.

Ftit minuti wara li ħriġna mid-Depot, irċevejna telefonata fuq il-mobile. It-telefonata ma kinitx dwar appuntament mal-Kummissarju, iżda kienet mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu.

“Lorry Cutajar… il-Kummissarju” beda l-konversazzjoni l-Kummissarju appena rrispondejna t-telefonata. “Ma nkunx nista’ nitkellem fuq kollox” kompla jgħid

“Lorry Cutajar” beda l-konversazzjoni appena rrispondejna t-telefonata. “Il-Kummissarju”, kompla, meta mitlub jiċċara min hu u minn fejn kien qed iċempel. Fit-telefonata, il-Kummissarju insista li nibgħatu l-mistoqsijiet tagħna b’e-mail, filwaqt li saħaq li hu ma jistax jagħti informazzjoni dwar kwistjonijiet interni. “Ma nkunx nista’ nitkellem fuq kollox” qal il-Kummissarju, filwaqt li għal darba, darbtejn, insista li nibgħatulu e-mail, waqt li ta l-kelma tiegħu li jwieġeb il-mistoqsijiet.

NET News prova jmur jikseb il-kummenti tal-Kummissarju fl-istess ġurnata li l-Prim Ministru Joseph Muscat farfar ir-responsabbiltà dwar investigazzjoni fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri fuq il-Kummissarju tal-Pulizija. “Jiddeċiedi l-Kummissarju”, qal Muscat meta mistoqsi minn NET News għaliex ma tax struzzjonijiet lill-Pulizija biex jinvestigaw kriminalment lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Il-mistoqsijiet tagħna lill-Prim Ministru saru wara li aktar kmieni matul il-ġimgħa, iċ-Chairperson tal-kumitat PANA qal li kollox jindika li l-iskandlu tal-Panama hu każ ta’ ħasil tal-flus.

Il-Kummissarju Lawrence Cutajar kien appuntat fil-kariga f’Awwissu li għadda, wara perjodu jservi bħala ‘Acting Commissioner’, u wara r-riżenja tal-eks Kummissarju Michael Cassar. Skont rapporti fil-media, Cassar kien irriżenja minħabba l-eżitu tar-rapport tal-FIAU, li skont rapporti aktar riċenti, jitlob il-prosekuzzjoni ta’ Konrad Mizzi u Keith Schemrbi. Dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport għad ma kienx hemm konfermi jew ċaħdiet mill-Gvern jew mill-Korp tal-Pulizija.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddikkjara li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar huwa “pupazz” li li nħatar Kummissarju biex jgħatti xtur il-Gvern u ddikkjara li m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija preżenti.