Lokali

Il-Kummissarju jwieġeb biex jgħid li ma jistax iwieġeb

L-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar
Wara li bgħattna l-mistoqsijiet b'email, il-Kummissarju weġibna lura li ma jistax iwieġeb

Aġġornata

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma jridx iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet b’rabta mar-rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), li investiga l-iskandlu tal-Panama u l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Imma l-Kummissarju qal li mistoqsijiet li jinvolvu informazzjoni dwar kull tip ta’ investigazzjoni “ma jistgħux jiġu mwieġba”. Dan kien żvelat mill-gazzetta il-mument wara li bgħattna mistoqsijiet dwar x’passi ħa fuq ir-rapport u jekk għaddiex ir-rapport lil xi ħadd.

Mistoqsi jekk saritx pressjoni fuqu biex ma jiħux azzjoni, il-Kummissarju ddefenda lilu nnifsu u saħaq li “fuqi personali qatt ma saret pressjoni biex ma niħux passi fuq xi każ partikolari”.

Ir-risposti tal-Kummissarju ġew wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat farfar ir-responsabbiltà dwar investigazzjoni kriminali fuq spallejn il-Kummissarju. “Jiddeċiedi l-Kummissarju” qal Muscat meta kien mistoqsi għaliex ma tax struzzjonijiet lill-Pulizija biex jinvestigaw kriminalment lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

Ilbieraħ, ippubblikajna telefonata li rċevejna mingħand il-Kummissarju li fiha rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet tagħna u fejn talabna biex nibgħatu l-mistoqsijiet permezz ta’ e-mail.

Intant, il-Kummissarju ġie mistieden mill-preżentatur Frank Psaila biex jipparteċipa f’intervista waqt il-programm ‘Iswed fuq l-Abjad’ ta’ nhar l-Erbgħa li ġej. S’issa, il-Kummissarju ma laqax l-istedina.

L-istedina lill-Kummissarju