Lokali

Tnejn arrestati fuq droga jitħallew ibiddlu l-verżjoni wara indħil minn żewġ politiċi tal-Gvern

Il-MaltaToday tiżvela l-aktar skandlu riċenti ta' indħil politiku

Aġġornata

Żewġ żgħażagħ arrestati f’Għawdex u li ammettew li kienu qed jitraffikaw id-droga, ingħataw l-opportunità li jbiddlu l-istqarrija li għamlu mal-Pulizija wara indħil minn żewġ politiċi tal-Gvern. Dan ġie żvelat mill-gazzetta Maltatoday.

Il-każ imur lura għas-sajf tal-2014, meta ż-żewġ żgħażagħ kienu arrestati waqt party f’Mġarr ix-Xini. Huma kienu ġew interrogati u fl-istqarrija li għamlu mal-Pulizija kienu ammettew li kienu qed jitraffikaw id-droga. Imma jirriżulta li l-istqarrijiet taż-żewġ żgħażagħ tħallew jinbidlu wara intervent politiku.

Skont il-MaltaToday, ftit jiem wara l-interrogazzjoni, żewġ politiċi ‘għoljin’ tal-Gvern iltaqgħu mal-missirijiet taż-żewġ żgħażagħ f’bini fir-Rabat Għawdex. Laqgħa li għaliha, il-missirijiet tal-arrestati daħlu minn bieb fil-ġenb biex ma jagħtux fil-għajn. Skont ir-rapport tal-MaltaToday, xi jiem wara din il-laqgħa sigrieta, iż-żgħażagħ ingħataw l-opportunità jbiddlu l-istqarrija li għamlu bl-istqarrija l-ġdida tkun kompletament bil-kontra tal-oriġinali.

Ir-rapport tal-MaltaToday jgħid ukoll li l-gazzetta għandha l-identità taż-żgħażagħ u għandha wkoll dettalji ta’ ċertu affarijiet li ntqalu waqt il-laqgħa sigrieta li saret.

Riċentament, fil-Parlament, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said qal li f’Għawdex saru laqgħat sigrieti biex nies li nqabdu bid-droga ma jitressqux il-Qorti, imma l-Ministru responsabbli mill-Pulizija Carmelo Abela ċaħad li kien hemm indħil u nsista li ma jistax jindaħal fl-operat tal-Pulizija.

Intant, dwar din l-istorja ma kienx hemm reazzjoni mill-Gvern għajr li l-Prim Ministru se jkun qed jappunta inkjesta biex ikunu stabbiliti l-fatti f’dan il-każ.

Dwar din l-inkjesta, il-Partit Nazzjonalista qal li l-inkjesta għandha tkun indipendenti u mhux b’nies li huma qrib il-klikka korrotta ta’ Kastilja, għax l-inkjesta għandha tassigura li toħroġ il-verità kollha.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li dan hu każ serju u sensittiv, fejn hemm involuti traffikanti ta’ droga. Kull u kull missier ta’ żgħażagħ vittmi tad-droga jinsistu li ssir ġustizzja ma’ kull traffikant tad-droga, u wisq aktar, ma min jgħattilhom, ittemm tgħid l-istqarrija.