“F’Malta l-Gvern ma ħa l-ebda azzjoni. Għalija din tgħid ħafna dwar kif il-kumplament tad-dinja tħares lejn Malta u kemm minkejja dan kollu l-Gvern Malti ma jimpurtahx” – stqarr dan il-ġurnalist tal-Australian Financial Review, Neil Chenoweth fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama Papers li ħakem il-Gvern Laburista.
Neil Chenoweth, hu l-ġurnalist li żvela wħud mill-emails fl-iskandlu tal-Panama Papers fl-10 t’April, fejn Karl Cini f’isem Nexia BT bagħat fin-New Zealand biex jinfetħu t-trusts.
Il-ġurnalist tal-Australian Financial Review stqarr li tant kemm kien hemm taħwid fil-kwistjoni tal-kontijiet bankarji tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li banek bl-agħar reputazzjoni ta’ ħasil ta’ flus fid-dinja ma aċċettawx flushom. Kompla, li tant kien hemm xi ħaġa tinten li 8 banek fl-Amerika Ċentrali rrifjutaw flushom.
Fl-email li l-ġurnalist Neil Chenoweth bagħat lil preżentatur tal-programm Iswed fuq l-Abjad Frank Psaila, stqarr li f’Malta l-problema hi fit-tmexxija tal-Gvern – għaliex meta l-iskandlu tal-Panama Papers ħareġ, l-għada filgħodu l-Prim Ministru tan-New Zealand John Key ħabbar inkjesta fuq trusts barranin – li wasslu għal tibdil radikali fl-liġijiet dwar trusts barranin is-sena li għaddiet. Iżda f’Malta, kollox baqa’ kif kien.
Għaldaqstant, Neil Chenoweth temm jgħid, li fl-oppinjoni tiegħu l-Gvern tan-New Zealand hu grat lejn Malta talli bis-saħħa t’hekk, saru jafu x’kellhom ħażin fis-sistema. In-New Zealand jimpurtaha mar-reputazzjoni tagħha, u saħansitra anke l-banek dgħajfa beżaw għar-reputazzjoni tagħhom. Iżda l-Gvern Malti ma għamel xejn – li juri kemm il-Gvern Malti ftit jimpurtah minn kif id-dinja tħares lejn pajjiżna.
Aktar fuq din l-aħbar se jiġi diskuss fil-programm tal-llejla ‘Iswed fuq l-Abjad’ fuq Net Television fid-9 ta’ filgħaxija.
//= $special ?>