Lokali

FILMAT: Jgħid li hu mhux wieħed minn żewġ politiċi tal-Gvern li ndaħlu f’każ ta’ traffikar ta’ droga

Il-Każ ta' indħil politiku minn żewġ politiċi tal-Gvern f'każ ta' traffikar tad-droga: Il-Ministru Anton Refalo jgħid li hu "mhux wieħed minnhom"

Il-Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo qed jinsisti li hu mhux wieħed minn żewġ politiċi tal-Gvern li ndaħlu f’każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex.

Anton Refalo kien mistoqsi minn NET News fid-dawl ta’ artiklu ppubblikat mill-gazzetta Maltatoday nhar il-Ħadd li għadda li fih ġie allegat li żewġ politiċi għolja tal-Gvern indaħlu biex inbidlu statements ta’ żewġ żagħżagħ li ġew arrestati minħabba traffikar tad-droga. Imma Anton Refalo jiċħad li hu wieħed miż-żweġ politiċi msemmijin. “Aħjar nistennew l-inkjesta tieħu l-andament tagħha imbgħad naraw wara il-konklużjonijiet ladarba tispiċċa l-inkjesta” qal il-Ministru Anton Refalo.

Imma magħfus bil-mistoqsijiet ta’ NET News, il-Ministru qal “jiena żgur m’inhix wieħed minnhom… l-anqas kont naf bil-każ” żied jgħid. Fil-kummenti tiegħu il-Ministru Anton Refalo fl-ebda ħin ma’ ċaħad li hemm żewġ politiċi tal-Gvern imdaħla f’dan il-każ. Tant li ċaħad billi qal “jien m’inhix wieħed minnhom”. Anton Refalo rrifjuta li jagħti aktar dettalji għaliex qal li bħalissa qed issir inkjesta.

NET News staqsa wkoll lil Anton Refalo jekk qatt kellux laqgħat sigrieti billejl. “Qatt ma kelli laqgħa f’das-sens” iddikkjara l-Ministru meta mistoqsi għal darba darbtejn wara li ħarab mill-mistoqsija. Ilbieraħ ġie żvelat li l-persuna li qed imexxi l-inkjesta, li ntgħażel minn Joseph Muscat, huwa l-avukat Frank Testa, li hu viċin ħafna tal-Ministru Manuel Mallia.

L-istorja żvelata mill-gazzetta Maltatoday nhar il-Ħadd li għadda tgħid li żewġ żgħażagħ li kienu arrestati f’Għawdex u li ammettew li kienu qed jitraffikaw id-droga, ingħataw l-opportunità li jbiddlu l-istqarrija li għamlu mal-Pulizija wara indħil minn żewġ politiċi tal-Gvern.

Huma kienu ġew interrogati u fl-istqarrija li għamlu mal-Pulizija kienu ammettew li kienu qed jittraffikaw id-droga. Imma jirriżulta li l-istqarrijiet taż-żewġ żgħażagħ tħallew jinbidlu wara intervent politiku.
Skont il-MaltaToday, ftit jiem wara l-interrogazzjoni, żewġ politiċi ‘għoljin’ tal-Gvern iltaqgħu mal-missirijiet taż-żewġ żgħażagħ f’bini fir-Rabat Għawdex. Għal din il-laqgħa ntqal li għaliha l-missirijiet tal-arrestati daħlu minn bieb fil-ġenb biex ma jagħtux fil-għajn.

Skont l-istess rapport, xi jiem wara din il-laqgħa sigrieta, iż-żgħażagħ ingħataw l-opportunità jbiddlu l-istqarrija li għamlu bl-istqarrija l-ġdida tkun kompletament bil-kontra tal-oriġinali.

Frank Testa li hu viċin ħafna tal-Ministru Manuel Mallia