Għawdex Lokali

RITRATTI: Għawdex hemm tieqa oħra – it-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ

Għawdex għandha tieqa oħra, dik ta’ Wied il-Mielaħ, propju viċin l-lokalità tal-Għarb

Hekk kif dalgħodu smajna bl-aħbar kerha, imma aħbar li konna qed nistennew minn żmien għal żmien, li waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra, nistgħu ngħidu li Għawdex tilfet ġawra naturali li kienu jżuruha eluf kbar ta’ nies kull sena. Madanakollu din it-tieqa ma kinitx l-unika tieqa naturali f’Għawdex.

Għawdex għandha tieqa oħra, dik ta’ Wied il-Mielaħ li tinsab fil-punent ta’ Għawdex propju viċin il-lokalitá tal-Għarb. Għalkemm it-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ mhux popolari daqs dik tad-Dwejra u mhux daqstant aċċessibbli, xorta titqies bħala ġawra oħra tal-gżira Għawdxija.

Kuntrarju għal kif kienet it-Tieqa tad-Dwejra sal-bieraħ, il-ġebla minduda tat-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ, għadha ħoxna biżżejjed li mhux kkunsidrata li tinsab f’periklu li taqa’. Apparti minn hekk, hemm ukoll taraġ li ġie magħmul apposta sabiex in-nies tkun tista’ taċċessa din it-tieqa aħjar.