Lokali

Zammit Lewis jikkonferma: L-Air Malta se tkeċċi l-ħaddiema

F’kummenti ma’ The Sunday Times, l-Ministru Edward Zammit Lewis ikkonferma li l-Air Malta se jkollha tkeċċi l-ħaddiema. Fl-aħħar xhur, bosta rapporti fil-media ndikaw dan, iżda l-Gvern dejjem baqa’ jiċħad li se jkollu jkeċċi l-ħaddiema. Illum, iżda, l-Ministru Zammit Lewis qal ċar u tond li hemm ħaddiema fl-Air Malta li se jkollhom jitkeċċew.

Zammit Lewis qal li l-kwistjoni ta’ min u kif se jitkeċċew se tkun diskussa ladarba l-Gvern isib sieħeb strateġiku, wara li fallew it-taħdidiet li kellu mal-Alitalita, li lanqas riedet tinvesti ewro wieħed f’pajjiżna. Hu qal li s-soluzzjoni m’għadiex li jiżdied il-budget għall-Air Malta, iżda hu lest li jieħu ‘deċiżjonijiet diffiċli’.

Il-Ministru tat-Turiżmu appella lill-unions biex jaħdmu id f’id mal-Gvern f’din il-kwistjoni, filwaqt li ċaħad li hemm xi ħaddiema li se jkollhom xi żidiet fil-pagi.

Matul in-negozjati mal-Alitalia, l-unions kienu rrabjati għall-fatt li ma kienux jafu x’qed jiġri u x’se jseħħ mill-ħaddiema li huma qed jirrapreżentaw.

The Sunday Times fakkret ukoll li filwaqt li l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Air Malta ssir f’Ottubru ta’ kull sena, s-sena li għaddiet, din ma saritx, li jfisser li l-kontijiet sa Marzu 2016 għadhom ma ġewx ippubblikati. Dwar dan, Edward Zammit Lewis qal li l-AGM se tkun qed issir ladarba jinstab sieħeb strateġiku għall-Air Malta.

Il-Partit Nazzjonalista ilu numru ta’ xhur joħroġ bi proposti konkreti dwar l-Air Malta, fosthom li l-linja nazzjonali tal-ajru tkun miftuħa għal investiment lokali, xi ħaġa li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu għaliha.