Lokali

FILMAT: “Deputati Laburisti tmejlu bikom, min wegħdkom l-affarijiet kien baħnan” – Michelle Muscat

Kien hemm Deputati Laburisti li tmejlu bikom. U min għamel hekk kien baħnan. Dan mhux xi diskors ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista jew kummentaturi indipendenti, iżda tal-mara tal-Prim Ministru Laburista Joseph Muscat, Michelle.

Filmat fuq Youtube li qed jixxerred fuq is-social media juri lil Michelle Muscat titkellem waqt attività tad-Deputat Laburista Silvio Schembri, u matul id-diskors tagħha, sostniet li hemm Deputati Laburisti li tmejlu bin-nies.

Michelle Muscat qalet, “jiena naf li hemm Membri Parlamentari li forsi tmejlu bikom, li forsi qalulkom affarijiet u wegħdukom u li ma wettqux”.

Il-mara tal-Prim Ministru – li bħalissa l-mawra tagħha ma’ Muscat fid-Dubaj is-sena li għaddiet tinsab f’nofs kontroversja wara li ġie żvelat il-kont tal-lukanda li jlaħħaq il-€11,000 – qalet ukoll li hi għamlet house visits daqs kemm għamel il-Prim Ministru. U li huma qatt ma jwegħdu xejn.

Michelle Muscat sostniet “jien kull meta ġie xi ħadd quddiemi, qatt ma wegħdtu xejn. Jiena ngħidha b’sens ta’ responsabbiltà, hawn Silvio. Jien ngħidilhom. Jien nghidilhom, jien daqs żewġi għamilt door-to-door. Imma qatt ma wegħdna lil ħadd dak li ma stajniex nagħmlu. La wegħdna postijiet, la wegħdna postijiet mal-Gvern. Twiegħed bl-għama, ma tafx għal xiex dieħel? U min għamel hekk kien baħnan.”

Michelle Muscat taf x’tifhem ukoll li fil-Partit Laburista hemm ġlied intern, tant li enfażizzat għall-għaqda. Qalet ukoll “u allura issa, sena ‘l bogħod mill-elezzjoni li ġejja, irridu ningħaqdu kollha flimkien.”

Michelle Muscat insistiet li l-Partit Laburista m’għandux jeħel jekk hemm xi Deputati li wegħdu xi ħaġa u ma wettquhiex. Imma f’dak il-każ għandhom jeħlu d-Deputati.