Lokali

“Il-Kunsill ta’ San Ġiljan aġixxa fl-interess tar-residenti” – Kunsilliera Nazzjonalisti ta’ San Ġiljan

Nies miġbura f'San Ġiljan
Ikkundannaw l-attakki personali li saru fil-konfront tas-Sindku Guido Dalli, u dan fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet dwar din l-attività dejjem kienu ttieħdu b’mod unanimu.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan qalu li d-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu fil-konfront tal-attivitajiet ta’ San Patrizju, saru fl-interess tar-residenti Ġiljaniżi.

Il-kunsilliera kollha tal-Kunsill Lokali ta’ San  Ġiljan ħadu d-deċiżjoni li tassigura li l-post fejn saru ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju jitnaddfu wara l-attivitajiet biex b’hekk ma jkunu ta’ ebda inkonvenjenza għall-Ġiljaniżi. Apparti minn hekk, dawk li kienu se jattendu l-attività kienu se jkunu mdawrin b’25 metru ta’ sigurtà u kif ukoll mobile toilet, ambulanza u help line fil-każ li jinqala xi ħaġa. Isostnu li hi ħasra li dawn l-affarijiet kollha sfaw fix-xejn.

Il-kunsillieri Nazzjonalisti qalu li l-Kunsill ta’ San Ġiljan saħansitra talab is-somma ta’ €2,000 lill-kumpanja li kienet se torganizza din l-attività bħala kumpens għal kwalunkwe xogħol ieħor li jista’ jkun rekwiżit li jsir kemm waqt kif ukoll wara l-attivitajiet ta’ San Patrizju.

Apparti minn hekk, huma kkundannaw l-attakki personali li saru fil-konfront tas-Sindku Guido Dalli, u dan fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet dwar din l-attività dejjem kienu ttieħdu b’mod unanimu.

Filwaqt li jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti, huma qalu li dak d-deċiżjonijiet tal-Kunsill sar fl-interess tar-residenti ta’ San Ġiljan.