Lokali

ATTENTI: Żewġ persuni jinqabdu jieħdu r-ritratti tat-tfal

Il-koppja Għarbija li kienet qed tieħu ritratti ta' tfal jilgħabu.

Mara u raġel, it-tnejn barranin jidher li nqabdu mill-Pulizija bil-mobiles tagħhom mimlija ritratti ta’ tfal f’każ li jidher li mhux wieħed separat.

It-twissija waslet minn ġenitur li qal li waqt li kien qed jiekol mal-familja fi stabbiliment kummerċjali f’Tas-Sliema, martu rat lil raġel jieħu ritratt ta’ ibnu. Iktar tard, meta l-ġenituri aljenaw għal ftit, mara li kienet qed takkumpanja lir-raġel barrani resqet lejn l-istess tifel, talbitu jindikalha fejn hi l-kamra tal-banju u saħansitra jakkumpanjahha.

Il-missier, li kiteb fuq il-midja soċjali biex iwissi lil ġenituri oħra, spjega kif ibnu li għadu żgħir beda jakkumpanja lill-mara sakemm il-ġenituri tiegħu ndunaw b’dan u affaċċjaw lill-mara.

Iktar tard jirriżulta li fil-post inzertaw għaddejjin żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu avżati b’dak li kien għadu kif seħħ. L-istess ġenitur li wissa’ b’dan l-episodju spjega kif il-Pulizija talbu li jaraw il-mobile tar-raġel akkużat li ħa r-ritratti u filfatt sabu ammont ta’ ritratti ta’ tfal differenti.

Jirriżulta li l-Pulizija talbu lil dan ir-raġel biex iħassar ir-ritratti li kellu fil-mobile tiegħu. Il-każ qed ikun investigat mill-Pulizija, li għandhom fil-pussess tagħhom ir-ritratti tal-persuni nvoluti.

L-uċuħ tal-persuni nvoluti f’dan l-inċident tgħattew għaliex Net News mhux f’pożizzjoni li jivverifika dan l-episodju u l-identità tal-persuni li allegatament wettqu dan kollu.