Internazzjonali

LIVE: ATTAKK TERRORISTIKU F’LONDRA; erba’ persuni konfermati mejta u oħrajn midruba

Allert massimu f’Londra wara attakk li seħħ fil-bini tal-Parlament fil-qalba tal-kapitali Ingliża u li s’issa hu konfermat li ħalla erba’ persuni mejta.

Attakk li Scotland Yard qalet li qed tqies bħala attakk terroristiku u li fih diversi persuni ndarbu, fosthom it-terrorista li wettaq l-attakk. L-aħħar rapporti qed jindikaw li Pulizija li kkonfronta t-terrorista miet mill-feriti li ġarrab ukoll.

Jidher li l-attakk beda meta raġel saq vettura fuq l-bankina ta’ Westminster Bridge u hawn tajjar diversi persuni u tal-anqas waħda minhom inqatlet hawn.  Hu imbagħad baqa’ dieħel bil-vettura f’kanċell li hemm mad dawra tal-Parlament u ħebb għal Pulizija b’sikkina.

Hawn Pulizija oħra li kienu fil-post fetħu n-nar u qatlu l-aggressur imma mhux qabel dan darab l-Pulizija. Skont konferenza tal-aħbarjiet fl-attakk indarbu 20 uffiċjal tal-Pulizija.

Fil-ħin tal-attakk, fil-bini kien hemm il-Prim Ministru Ingliża Theresa May li fil-pront inħarġet mill-bini taħt siġurta kbira u fl-istess ħin fil-post bdew jinġabru ammont kbir ta’ membri tal-forzi tas-sigurta Ingliżi. Il-Parlament ġie sospiż.

Fl-istess ħin daħlu fis-seħħ, miżuri kbar ta’ sigurtà madwar 10 Downing Street, is-sede tal-Prim Ministru Ingliż li tinsab madwar 200 metru mill-Parlament filwaqt li n-nies kienu avżati li jevitaw ċerti zoni ta’ Londra hekk kif dawn tpoġġew f’lock down.

Sadanittant is-sistema tal-underground kienet wieqfa temporanjament.

Parlament ta’ Malta

Fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li dan l-attakk ikompli juri l-ħtieġa li r-riżorsi kollha tal-pajjiżi, b’mod partikolari tal-UE, jingħaqdu flimkien biex jiġġieldu t-terroriżmu. Dan għaliex it-terroriżmu qed isir iktar sofistikat. Simon Busuttil qal li hu biss jekk ir-riżorsi jingħaqdu flimkien li din il-ġlieda tista’ tiġi miġġielda b’mod effettiv.

Il-Parlament sellem il-vittmi waqt li kkundanna dan l-attakk.

Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej.

Iż-żona fejn seħħ l-attakk f’Londra

Membri Parlamentari f’lockdown ġewwa l-parlament.