Lokali

FILMAT: Muscat jibqa’ ma jgħidx min huma l-Ministri li ndaħlu fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex

Muscat qed jibqa’ jiddefendi lit-traffikanti tad-droga

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għal darb’oħra reġa’ ħarab milli jirrispondi l-mistoqsija ta’ jekk kienx jaf min huma ż-żewġ Ministri li ndaħlu fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex.

Fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li flok wieġeb il-mistoqsijiet li kulħadd qed jistaqsi, il-Prim Ministru Joseph Muscat reġà ħareġ stqarrija jgħajjar lil min qed jagħmillu l-mistoqsijiet. Mhux ta’ b’xejn li l-Ministri tiegħu jgħajjru wkoll lill-ġurnalisti li jagħmlulu l-misoqsijiet. Bħaz-zokk, il-fergħa.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li flok ikompli jitgħajjar, Muscat għandu jwieġeb u jgħid min huma ż-żewġ Ministri li ndaħlu biex inbidel statement dwar każ serju ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex.

Il-ġenituri u ż-żgħażagħ tal-vittmi tad-droga jixirqilhom Prim Ministru li jiġġieled lit-traffikanti tad-droga mhux li jiddefendihom.

Fi stqarrija l-uffiċju tal-Prim Ministru qal li l-Avukat John Vassallo li nħatar mill-Prim Ministru biex imexxi inkjesta dwar storja tal-Malta Today rigward indħil minn ministri mhux imsemmija f’każ ta’ arrest ta’ persuni dwar drogi f’Għawdex, illum talab lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal estensjoni sal-5 ta’ April li ġej biex jikkonkludi din l-inkjesta. Din l-estensjoni ngħatat.

Il-PN, b’reazzjoni għall-istqarrija tal-gvern, staqsa għalfejn Muscat ma jridx jippubblika t-termini ta’ referenza tal-inkjesta?

Il-PN qal li wara pressjoni li ilha ssirlu għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat, Muscat issa ħareġ jgħid li d-data meta għandha titlesta l-inkjesta dwar il-każ tal-indħil miż-żewġ Ministri fit-traffikar tad-droga f’Għawdex hi l-5 ta’ April. Issa, pero’ jonqos li Muscat jippubblika x’inhuma t-termini ta’ referenza ta’ din l-inkjesta li qed titmexxa minn eks kandidat tal-Partit Laburista.

Il-PN kompla jgħid li fl-istess ħin, Muscat għandu jgħid min huma ż-żewġ Ministri li ltaqgħu mal-missirijiet tat-traffikanti tad-droga tard bil-lejl fil-Ministeru ta’ Għawdex, u li wara l-laqgħa l-istatement dwar dan il-każ quddiem il-Pulizija inbidel, biex dawn iż-żewġ żgħażagħ spiċċaw ma tressqux il-Qorti.

Minflok ikompli jiddefendi lil min jittraffika d-droga, Muscat għandu jibda jaġixxi ta’ Prim Ministru temm jgħid il-PN fl-istqarrija