Lokali

FILMAT: Żagħżugħ jitlef ħajtu fil-Marsa

Il-Ħadd filgħodu … Redeemer Tesi ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku.

L-inċident seħħ ftit qabel it-8.00am fi Triq Aldo Moro l-Marsa, direzzjoni lejn il-Belt Valletta, meta ż-żagħżugħ għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Honda Civic bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’arblu.

Redeemer kien għadu kif telaq id-dar u kien sejjer biex jiġbor lil wieħed minn sħabu u wara jmorru ż-Żebbiegħ. Ixxukjati bl-aħbar, sħabu waslu wkoll fuq il-post tal-inċident.

Fil-ħin tal-inċident mill-post kien ghaddej ukoll il-kantant Klinsmann, li iddeskriva dak li ra bħala xokkanti hekk kif hu ra liż-żagħżugħ jaħbat kif ukoll niżel biex itih l-ewwel għajnuna, iżda kollu kien għalxejn għaliex Redeemer miet mid-daqqa.

Fuq il-post waslu l-Pulizija, il-membri tal-protezzjoni ċivili, kif ukoll ambulanza.

Dwar dan l-inċident inħatret inkjesta mmexxija mill-maġistrat Aaron Bugeja.

Dan hu l-ħames inċident fatali tat-traffiku għal din is-sena.