Kungress EPP Malta Lokali

FILMAT: Għada jibda l-Kungress tal-PPE f’Malta

Kungress PPE
Il-Kungress tal-PPE f'Malta jibda għada

Ftit siegħat qabel jibda l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, komplew jaslu aktar delegazzjonijiet, Membri Parlamentari Ewropej u ġurnalisti minn madwar l-Ewropa kollha biex bejn l-Erbgħa u l-Ħamis jipparteċipaw f’waħda mill-akbar attivitajiet politiċi fl-Ewropa.

Forsi l-akbar stennija, il-wasla ta’ 12-il Kap ta’ Gvern, fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.

Ma’ dawn jingħaqad il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busttil, li ġurnata qabel il-Kungress, żar il-lukanda Hilton u l-lukanda Intercontinental, li se jkunu qed jilqgħu madwar 2,000 ruħ li se jkunu Malta appost għal dan il-Kungress.

Waqt iż-żjara tiegħu fl-arena tal-Kungress, Simon Busuttil iltaqa’ mal-President tal-PPE Joseph Daul, li wkoll kien qed iżur l-aħħar tħejjijiet.

Simon Busuttil qal li l-organizazzjoni ta’ dan il-Kungress f’Malta jikxef il-mod serju kif irid jaħdem Gvern Nazzjonalista ‘il quddiem

Fl-arena tal-Kungress kien hemm ukoll għadd ta’ ġurnalisti li ddawwru mal-post. F’Malta se jkun hawn aktar minn 250 ġurnalista li se jirrappurtaw il-Kungress. Saħansitra ġurnalisti li ġejjin mill-Istati Uniti.

NET News għada jxandar l-ewwel minn sensiela ta’ programmi speċjali dwar il-Kungress. L-Erbgħa tibda xandira fis-1.15 ta’ waranofsinhar, apparti aġġornamenti kontinwi fuq is-sit netnews.com.mt u Radio 101.