Lokali

RITRATTI: L-Għadira b’dehra diżastruża

'Qatt ma niftakruha f’dan l-istat' – Persuni li tkellmu magħna lbieraħ

Il-bajja tal-Għadira, li matul is-snin ħadet fama għall-ġmiel ta’ veduta li toffri, partikolarment bil-bajja ramlija u baħar nadif, qatt ma kienet fl-istat diżastruż li tinsab fih illum. Dan hekk kif muntanji ta’ alka u ħama fil-baħar qed jagħtu mhux biss dehra ta’ telqa u abbandun lil din il-bajja unika fil-gżejjer Maltin, iżda qed jikkawżaw nuqqas ta’ xogħol għan-negozji fil-bajja tal-Mellieħa.

Dawn kienu ftit mill-kummenti li l-gazzetta In-Nazzjon ħadet lbieraħ waranofsinhar minn persuni li ddeskrivew is-sitwazzjoni preżenti bħala inaċċettabbli, u li ma jiftakru qatt il-bajja tal-Għadira f’dan l-istat.

Minn informazzjoni li kisbet l-istess gazzetta jirriżulta li l-ilmenti mad-Dipartiment tal-Gvern responsabbli mit-tindif ilhom isiru x-xhur. Il-problema ilha tikber minn Ottubru tas-sena l-oħra.

Sfortunatament, l-appelli biex isir it-tindif meħtieġ tal-bajja tal-Għadira baqgħu jaqgħu fuq widnejn torox u mingħajr ma tittieħed azzjoni konkreta biex isir it-tindif meħtieġ.

Bħal dan iż-żmien sena, in-nies tan-negozju jkunu qed jippreparaw għall-istaġun tas-sajf u x-xogħol ikun diġà beda. Ikun hemm min diġà jkun beda jimpjega n-nies, iżda fis-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Bajja tal-Għadira bħalissa, ma jistax isir xogħol. It-turisti li jiġu jerġgħu lura, b’telf ta’ xogħol għall-komunità tan-negozju u isem ħażin għall-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna.

Kumment ieħor kien li fl-aħħar erba’ snin, in-nuqqas ta’ tindif mar għall-agħar – sena agħar minn oħra.

Dan l-aħħar kien qiegħed isir ftit xogħol biex l-alka tibda tinġabar u titqiegħed f’munzelli kbar. Iżda dan ix-xogħol qed isir bil-mod wisq u diġà tard fis-sena meta waqt li t-temp qiegħed dejjem aktar jurina li bdiet ir-rebbiegħa, l-istat ta’ telqa u abbandun għadu jiddomina l-bajja tal-Għadira.