Lokali

FILMAT: Żagħżugħ jinqatel fir-residenza tiegħu fil-Ħamrun; l-agressur arrestat

Brandon Pace, magħruf Ta’ Galalli, ta’ 25 sena mill-Ħamrun inqatel wara argument li nqala’ bejnu u bejn żagħżugħ ieħor f’indana ta’ blokka appartamenti fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun.

Kollox beda wara li għall-ħabta tat-tmienja Kurt Grech magħruf bħala n-nemes mar biex jaffaċja lil Pace fuq kwistjoni li ilha tberran bejn iż-żewġ persuni ix-xhur.

Mill-informazzjoni li għandu NET News irriżulta li fl-argument intuża biċċiet ta’ madum, kif ukoll armi li jaqtgħu u bil-ponta. Jidher li malli Pace spiċċa mal-art f’għadira demm, Grech ħarab mill-post anke midrub serjement.

Fil-post f’kommossjoni u għajjat mill-qraba b’mod partikolari mit-tfajla tal-vittma, wasslu pulizija mir-Rapid Intervention Unit, Pulizija mid-distrett tal-Ħamrun u kif ukoll tim mediku, iżda sfortunatament kien kollu ta’ xejn għaliex Pace, kien diġa tilef ħajtu.

Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit bdew immedjatament it-tfittxija għall-aggressur u eventwalment hu instab midrub f’residenza fi Triq San Girgor f’Tal-Pieta.

Fil-post issejħet ukoll ambulanza u tim mediku li ħa lill-aggressur lejn l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ingħata l-kura għall-ġrieħi li ġarrab.

Anke f’dan il-każ fir-residenza fejn instab Grech issejħet il-Pulizija mit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Kriminali li kompliet tifrex l-investigazzjonijiet tagħha bl-iskop li tistabilixxi l-mottiv wara dan id-delitt.

Sorsi ta’ Net News qalulna li l-mottiv jista’ jkun li ż-żewġ żgħażagħ seta’ kellhom kunflitti dwar relazzjoni.