Lokali

ESKLUSSIVA U AĠĠORNATA: Partijiet mix-xhieda fl-inkjesta tal-indħil fit-traffikar tad-droga mhix fir-rapport finali

Wara l-aħbar esklussiva ta’ ftit tas-siegħat ilu fuq netnews.com.mt, illejla fil-programm NET LIVE ġie żvelat li hemm partijiet minn xhieda li ngħataw fis-seduti tal-inkjesta tal-indħil minn żewġ Ministri fil-każ tat-traffikar tad-droga f’Għawdex, li m’humiex parti mill-inkjesta finali li se tiġi ppubblikata fis-siegħat li ġejjin.

Xhud partikolari waqt waħda mis-seduti ta’ din l-inkjesta tkellem dwar kif kien qed jibża għall-familtu u għalhekk ma setax jagħti d-dettalji ta’ dak li jaf, min huma ż-żewġ Ministri nvoluti, x’għamlu u x’ma għamlux. Dan ix-xhud sostna li ladarba l-Prim Ministru ma semmiex hu min huma ż-żewġ Ministri, hu ma kienx se joħroġ għonqu u jpoġġi lill-familja tiegħu f’riskju.

Fix-xhieda tiegħu, din il-persuna spjegat kemm hi kbira l-problema tad-droga f’Għawdex, u li min jittraffikaha għandu l-barka tal-awtoritajiet, u li dawn l-individwi għandhom poter kbir f’idejhom. Hu qal li għalhekk jibża jitkellem għax jaf li jista’ jpoġġi lill-familja tiegħu f’riskju.

NET LIVE żvela wkoll li l-kandidat Laburista John Vassallo – li tqabbad mill-Prim Ministru biex jagħmel din l-inkjesta fuq żewġ Ministri Laburisti – kien jinsab f’Kastilja illum waranofsinhar. Dan is-sit mhux infurmat x’kienu d-dettalji diskussi waqt din il-laqgħa f’Kastilja.

Sa issa, Muscat għadu jinsisti li ma jgħidx min huma ż-żewġ Ministri, u dan filwaqt li kemm il-Ministri Anton Refalo u Manuel Mallia – li dak iż-żmien kienu responsabbli minn Għawdex u l-Pulizija – dejjem ċaħdu li f’Ottubru 2013, ltaqgħu tard bil-lejl fil-Ministeru ta’ Għawdex ma’ missier wieħed mit-traffikanti tad-droga li spiċċa ma tressaqx il-Qorti.

Dwar din l-istorja żvelata, NET News ħa l-ewwel kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li deher mifxul bil-mistoqsija. Flok wieġeb, Muscat infexx jgħajjar lil NET News. (Ara l-kummenti hawn)

Dawn id-dettalji li qed jiġu żvelati huma kkonfermati mis-sorsi li dan is-sit għandu viċin ferm tal-Prim Ministru. Minkejja dawn il-fatti, iżda, Muscat xorta jibqa’ jiċħad dan kollu.

Informazzjoni esklussiva mill-Kabinett ta’ Muscat