Lokali

FILMAT: Muscat maħsud bl-aħbar żvelata dalgħodu; jgħajjar lil NETnews flok iwieġeb

NETnews se jiżvela aktar dettalji dwar l-inkjesta fil-ħin li ġej

Il-Prim Ministru Joseph Muscat deher mifxul meta NETnews staqsieh dwar l-aħbar żvelata dalgħodu minn din il-website; jiġifier li l-inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri tal-Gvern f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex ilha lesta minn nhar it-Tnejn.

“Ma naqrax in-net news” kienet l-ewwel reazzjoni ta’ Muscat meta mistoqsi jekk qrax l-artiklu ppubblikat dalgħodu. Skont dak żvelat dalgħodu, l-inkjesta mmexxija mill-eks-kandidat Laburista John Vassallo kellha tkun lesta sal-lum, l-Erbgħa. Madanakollu, fil-verità l-inkjesta ilha lesta minn nhar it-Tnejn li għadda.

ESKLUSSIVA: Informazzjoni esklussiva mill-Kabinett ta’ Muscat

Viżibbilment maħsud bil-mistoqsija, il-Prim Ministru minflok għażel li jattakka lil NETnews. “Hija gidba assoluta” qal, “Mhux l-ewwel darba fuq NETnews”, żied jgħid.

Iffaċċjat b’din ir-risposta, NETnews staqsa lill-Prim Ministru jafx min huma ż-żewġ Ministri tal-Gvern implikati f’dan l-iskandlu. Għal darb’oħra, similarment għal dak li għamel fil-ġimgħat li għaddew, Muscat farfar ir-responsabbiltà minn fuq spallejh u dawwarha fuq il-gazzetti u l-Oppożizzjoni. “Nixtieq li jekk tafu, taqbdu u tirrapurtaw” qal Muscat, waqt li beda miexi lejn il-karozza tiegħu biex jaħrab mill-mistoqsijiet.

Mistoqsi jekk iħossx id-dover li, bħala Prim Ministru, jistaqsi biex jara min huma l-Ministri involuti, Muscat irrepeta “Għidu intom jekk tafu min huma”. Kien f’dan il-mument li Muscat daħal għall-kenn tal-karozza tiegħu u telaq minn fuq il-post.