Lokali

Il-Marokkina tilfet it-tarbija li kienet qed tistenna; il-Libjan għadu mfittex

Possibilta' kbira li l-Libjan (ritratt) jinsab maħrub f'pajjiż fin-naħa ta' fuq tal-Ewropa

Kmieni dalgħodu dan is-sit ikkonferma li l-mara li fi tmiem il-ġimgħa allegatament sfat attakkata minn Libjan tilfet it-tarbija li qed tistenna. Il-Marokkina ġiet rilaxxata mill-Isptar Mater Dei wara li għal kważi tliet ijiem kienet qed tingħata kura wara l-każ xokkanti li seħħ fis-Swieqi l-Ħadd.

Il-Libjan ta’ 33 sena allegatament agredixxa lill-mara biex jagħmel abort b’idejh stess, u bl-użu ta’ sikkina. Issa ħarġet il-konferma li sfortunatament, il-pjan infami tiegħu rnexxa – hu rnexxielu jneħħi t-tarbija li kienet qed tistenna s-sieħba tiegħu, li kienet fit-tieni xahar tat-tqala tagħha.

Il-Libjan jismu Ashraf Ammar Marghami; raġel magħruf sew mal-Pulizija u li fil-passat wettaq anke reati oħrajn.

Kienet it-tifla tal-Marokkina, li għandha 16-il sena, li rrappurtat il-każ lill-Pulizija, u kixfet dak li prova jagħmel il-Libjan.

Fil-fatt, kienet it-tifla stess li salvat lil ommha, meta sabitha imsakkra fil-kamra tal-banju b’idejha marbuta u bit-tape ma’ ħalqha. Il-kamra kienet imsakkra, u allura it-tifla meta semgħet lil ommha tokrob faqgħet il-bieb tal-kamra tal-banju u daħlet tara x’kien ġaralha ommha.

L-allegat aggressur ħarab minn Malta, u kien għalhekk li l-Pulizija ħarġu mandat internazzjonali għalih. Il-Europol qed tassisti f’din il-ħidma, anke minħabba l-fatt li r-raġel possibilment jinsab f’xi pajjiż Ewropew.

Il-mara, li tgħix f’appartament mikri fis-Swieqi, għandha 33 sena u hija omm ta’ tliet itfla. Minbarra t-tifla ta’ 16-il sena għandha żewġt itfal oħra ta’ 9 u 6 snin.