Lokali

AĠĠORNAT – L-istatwa tar-Redentur tal-Isla se titħallha toħroġ fil-Ġimgħa l-Kbira

Fi stqarrija d-Dipartiment tad-Dwana saħqu li għadhom kemm ġew infurmati li r-restorazzjoni ġiet posposta biex l-istatwa titħalla tipparteċiepa fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Wara sentejn ta’ ħidma, id-Dwana kellhom rwol fir-restawr tal-istatwa tar-Redentur tal-Isla.  Dan hekk kif lura fi Frar tal-2015 id-diriġenti tad-Dwana laħqu ftehim ma’ esperti fil-qasam tar-restawr, Atelier del Restauro, bil-għan li tkun mgħarbla l-possibilità li n-Nuctech Scanner tad-dipartiment li jintuża sabiex din l-istatwa, li għadd ta’ persuni iqimuha, tkun tista’ tiġi analizzata w studjata bir-reqqa.

F’April ta’ sentejn ilu, l-istatwa ġiet trasportata, bil-lejl, fil-Ħal-Far Groupage Complex u hemm ittieħdulha l-x-rays neċessarji biex tkun magħrufa l-istruttura u l-istat ta’ ġewwa tal-istatwa, kif juru ir-ritratti li qed ikunu ppubblikati ghall-ewwel darba.

Fil-fatt, irriżulta li l-intern tal-vara għadu fi stat tajjeb ħafna.  Hu l-estern, primarjament it-tunika u partijiet oħra tal-karnaġġjon li fihom brix u qsim, probabbilment, riżultat tal-ħruġ tal-istatwa, li jsir 3 darbiet fis-sena, kif ukoll ta’ diversi pellegrinaġġi.

Id-Dipartiment tad-Dwana esprima li huwa kburi li kien f’pożiżżjoni li jgħin b’mod tanġibbli f’din l-operazzjoni hekk delikata u sensittiva, kollox b’investiment  li jlaħħaq ’l fuq minn €40,000.  Fl-istqarrija d-dipartiment spjega li dan ir-restawr vitali mistenni jieħu madwar 9 xhur.

Fi stqarrija d-Dipartiment tad-Dwana saħqu li għadhom kemm ġew infurmati li r-restorazzjoni ġiet posposta biex l-istatwa titħalla tipparteċiepa fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Aktar minn hekk, minħabba dan ir-restawr importanti, ser tkun ikkanċellata l-purċissjoni ta’ devozzjoni kbira, li ssir f’Ġunju ta’ kull sena u li oriġinat mitejn sena ilu bħala wegħda reliġjuża biex l-Isla tkun meħlusa mill-pesta li kienet qed tikkawża ħerba sħiha f’dawn il-gżejjer.