Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista għal sistema ta’ servizz tat-trasport state-of-the-art permezz tal-metro mistennija tiswa madwar €2.3 biljun u tista’ tkun lesta fuq medda ta’ madwar 20 sena.
Rapport fil-gazzetta The Sunday Times jiżvela li l-proposta li l-Partit Nazzjonalista mistenni jniedi fil-jiem li ġejjin hi maħsuba biex issolvi l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq tagħna fuq medda ta’ żmien u ma nibqgħux niddependu fuq il-karozzi.
Sorsi qalu lis-Sunday Times of Malta li din hi l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fl-istadju li jmiss tal-iżvilupp tas-sistema f’Malta tat-trasport.
Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista mistennija jinkludu numru ta’ miżuri li jkunu implimentati fuq bażi ta’ perijodu qasir u oħrajn fuq perijodu medju. L-idea hi li bil-mod il-mod tinħoloq sistema ta’ trasport b’mezzi differenti li jingħaqdu flimkien.
Il-pjan tal-Partit Nazzjonalista hu li jkun hawn linji tal-metro li jgħaddu kemm minn taħt l-art kif ukoll fuq l-art skont ir-restrizzjonijiet fiżiċi tal-lokalitajiet differenti.
Is-sistema tal-metro tkun magħquda ma sistemi oħra ta’ trasport bħalma huma l-karozzi tal-linja u faċilitajiet ta’ park and ride f’postijiet differenti biex dawk li jivjaġġaw ikollhom għażla sħiħa. Il-metro titħaddem bl-elettriku u tintuża l-aktar teknoloġija avvanzata bla ebda wires. Dan jagħmilha sistema aktar nadifa u b’inqas ħsejjes mill-karozzi tal-linja u karozzi oħra.
Il-ħsieb hu li l-ewwel fażi ta’ din is-sistema tibda fl-ewwel leġislatura tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irrefera l-ewwel darba għal l-idea ta’ sistema ta’ metro fil-mass meeting tal-Indipendenza s-sena li għaddiet.
Minbarra s-sistema tal-metro, l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li dawk li għandhom karozza qadima jingħataw is-somma ta’ 2,000 ewro biex din tkun skrappjata u tinxtara karozza ġdida jew second hand li ma jkollhiex aktar minn erba’ snin
//= $special ?>